L-Isqfijiet Kattoliċi ta’ Spanja appellaw lill-partiti politiċi sabiex jingħaqdu fi front wieħed kontra ż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess. Dan wara li kien ikkonfermat bħala legali mill-Qorti Kostituzzjonali. “Il-leġislazzjoni Spanjola dwar iż-żwieġ hi gravament inġusta – ma tipproteġix id-dritt tal-partijiet li jkunu rikonoxxuti mil-liġi bħala ‘husband’ u ‘wife’, lanqas id-dritt tfal u ż-żgħażagħ li jikbru bħala futuri raġel u mara fiż-żwieġ li jgawdu omm u missier f’familja stabbli”, qalet il-konferenza episkopali wara l-plenarja fil-jiem li għaddew f’Madrid. Komplew l-Isqfijiet li “nappellaw mill-ġdid lill-politiċi sabiex jerfgħu r-responsabbilta. Ir-raġuni titlob li kulħadd jaġixxi skont il-kuxjenza tiegħu u lil hinn mid-dixxiplina tal-partit u allura li ħadd ma jivvota biex jambraċċa liġi li tidrob gravament l-istrutturi bażiċi tas-soċjeta”.
L-istqarrija saret wara ġudizzju mill-qorti li rrifjuta sfidi legali għal-liġi tal-2005. L-Isqfijiet qalu li l-pajjiż qed “jagħti xiehda tat-tkissir taż-żwieġ mill-istruttura legali”. Dan waqt li żiedu li l-politiċi kollha għandhom iġibu ‘l quddiem l-ġid komuni u sussegwentement ibiddlu l-liġi.
Aktar minn 22,000 żwieġ bejn koppji tal-istess sess kienu rreġistrati li saru bil-liġi, li kienet sfidata kostituzzjonalment wara r-rebħa elettorali tal-Partit tal-Poplu taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Mariano Rajoy fl-2011.
Il-kelliem għall-Konferenza Episkopali Spanjola, l-Isqof Awżilarju ta’ Madrid Juan Martinez Camino, qal li l-qorti kostituzzjonali “issottomettiet interpretazzjoni korretta tal-liġi”.