L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ir-rakkont li għadna kemm smajna mill-Vanġelu skont San Luqa jintroduċina ma’ ħames persuni; Marija u Ġużeppi, Xmun u Anna u f’nofshom it-tarbija Ġesù ta’ 40 jum. Huwa t-tifel li llum jiġi ppreżentat lil Alla. Huwa t-tifel li jinħeles mill-mewt bl-offerta ta’ żewġt ibċieċen. Għax il-liġi kienet tgħid li “l-ewwel wild ikun tiegħi u jinfeda bl-offerta tal-fqar.” Biex jinfeda l-ewwel tarbija tifel kien hemm bżonn żewġt ibċieċen jew par gamiem. Is-soltu kien ikun il-ħaruf.
Aħna nifhmu li Ġesù stess huwa l-ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, li llum jidħol fit-tempju tiegħu biex isseħħ il-profezija li qrajna minn Malakija, fejn “jasal minnufih fit-tempju tiegħu s-Sid mistenni minnkom.” (Mal 3:1) “U jnaddaf u jdewweb dak kollu li huwa ħażin. Isaffi u jirfina lin-nisel ta’ Levi bħallikieku deheb u fidda. Huma mbagħad jersqu quddiem il-Mulej b’offerta xierqa.” (Mal 3: 3) Huwa l-Mulej, il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja li llum tarbija ta’ 40 jum jidħol fit-tempju tiegħu u jġib is-safà, iġib l-indafa u jħejji minnha offerta xierqa.
Il-Knisja għażlet dan il-jum biex tikkonferma lil uliedha, li l-Mulej fil-providenza tiegħu jsejjaħ għall-ħajja reliġjuża. Il-Knisja tikkonfermahom fil-vokazzjoni tagħhom, titlob għalihom u titlob li dan id-don ma jitwarrabx minnha. Illum huwa l-ġublew tagħkom, għeżież reliġjużi. Nitolbu għal dawn it-tliet intenzjonijiet; nitolbu biex il-Mulej iqawwi l-vokazzjoni tagħkom; biex ikompli jżejjinna bid-don tal-ħajja reliġjuża; u biex jagħmel minnkom xhieda tal-Evanġelju.
Il-valuri li intom tħaddnu huma wkoll infissra f’dan l-episodju fil-ħajja ta’ Ġesù. Wara kollox, meta għalqilhom iż-żmien għat-tisfija tagħhom, Ġużeppi u Marija ta’ Nazaret obdew il-liġi ta’ Mosè. “Ippreżentawh lill-Mulej, bħalma hu miktub fil-Liġi tal-Mulej” (Lq 2: 22). Hawnhekk naraw l-ubbidjenza tal-familja ta’ Nazaret. Dak li hu dieħel fid-dinja qal, offerti ma ħejjejtx għalik imma ġisem ħejjejt għalija. “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla” (Lhud 10:7). Kif kien hemm miktub fil-ktieb, dak hu li jiġi ppreżentat illum taħt is-sinjal tal-ubbidjenza. L-offerta tiegħu hija l-offerta tal-faqar, żewġ bċieċen jew par gamiem. Imma hu dak li jista’ jgħani tassew lill-bniedem bis-safa, bl-imħabba, bit-tama u fuq kollox huwa dak li llum fuqu tissejjaħ il-profezija tad-dawl, tal-glorja, tas-salvazzjoni, imma wkoll tas-salib.
Xmun iħares lejn din it-tarbija u jgħid, “għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek … dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.” (Lq 2: 30-32) Dan huwa sinjal li jmeruh, sejf jinfidlek ruħek. (Lq 2: 34-35) U ta’ 40 jum din it-tarbija titħabbrilha l-profezija tas-salib, taċ-ċaħda, tat-tbatija. Refa’ fuqu l-mard tagħna; ħa fuqu d-dnubiet tagħna; sar għalina salvatur, salvazzjoni, dawl u glorja.
Illum nistaqsu lilna nfusna, l-aħwa intom u tikkonfermaw, titwettqu fl-impenji li ħadtu quddiem il-Knisja, itolbuh biex qatt ma tmeruh, imma ma tibżgħux tkunu sinjal li jmerukom. Nitolbu lil Alla, “Agħmel li qatt ma mmerik, imma tini l-kuraġġ meta ssejjaħli nkun sinjal ta’ kontradizzjoni, sinjal li jmur kontra l-kultura tal-mewt, kontra l-kultura tas-suċċess akkost ta’ kollox; kontra l-kultura li tagħmel il-flus u l-għana l-alla falz, il-kejl ta’ kemm tassew jiswa l-bniedem.” Jalla l-Mulej jagħmel minnkom sinjal ta’ kontradizzjoni u jagħmel minnkom dawl u melħ fis-soċjetà tagħna.
Għal dawk li jgħidu li issa x-xogħol tagħkom għamiltuh, li l-missjoni tagħkom ħdimtuha, jew li l-vokazzjoni tagħkom għixtuha; u bħal San Pawl forsi tgħidu li issa wasal iż-żmien li tistennew il-kuruna ta’ dak kollu li għamiltu, l-ewwel nett ngħidilkom sabiex tgħidulu lill-Mulej bħalma nħobb ngħidlu jien, “Mulej meta trid, imma m’iniex mgħaġġel/m’iniex mgħaġġla.” It-tieni, nirrikmandalkom tħarsu lejn Anna, mara anzjana li qdiet lill-Mulej fit-tempju, lejl u nhar, taqdi fis-sawm u fit-talb. Waslet u bdiet tfaħħar lil Alla, u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm. Din il-mara anzjana, ma nafux kemm kellha żmien. L-Evanġelista jagħtina indikazzjoni li sakemm kellha 84 sena ma kinitx titwarrab mit-tempju. Mela kienet 84+, mhux 60+.
Uħud minnkom, mhux kollha, tgħiduli mela bħali. Anna tidħol fit-tempju tfaħħar lil Alla u titkellem ma’ min irid jisma’ fuq il-Mulej Ġesù. Sakemm il-Mulej isellifkom nifs, u qalb u moħħ u fomm, thedew qatt tfaħħruh, titolbu, tinterċedu għad-dinja, titolbu għall-vokazzjonijiet, għall-ħajja ikkonsagrata, għas-saċerdozju, għaż-żwieġ nisrani. Nitlobkom ukoll titolbu għall-barka tal-ulied. Intom li l-Mulej sejħilkom biex tkunu ommijiet u missirijiet spiritwali, itolbu li min għandu l-vokazzjoni tal-paternità u l-maternità naturali, iħaddan din il-vokazzjoni bil-qalb, bil-ferħ u bi spirtu ta’ tama. Għaliex it-talb tagħkom, għeżież reliġjużi, huwa dak li jżomm il-Knisja waħda, qaddisa, Kattolika. Il-Knisja li hi appostolika għandha bżonn ix-xhieda tagħkom, it-talb tagħkom, l-offerta tagħkom ta’ kuljum.
It-2 ta’ Frar jiġi kull sena, iżda l-offerta tagħkom hija ta’ kuljum. Ta’ kuljum intom, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu u skont l-ambjent li l-Mulej poġġieh bl-ubbidjenza, tistgħu tapplikaw mhux biss il-grazzja tal-ġublew, imma tkunu bħal dik il-kalamita li tattira fuq id-dinja, fuq il-gżejjer tagħna u fuq id-dinja, il-ħniena tal-Mulej, il-maħfra tad-dnubiet, il-ħelsien mill-jasar li l-bniedem ikiddu wisq.
Ejjew illum nitolbu bl-interċessjoni ta’ dawn il-ħames persuni li l-Vanġelu tal-lum ilaqqagħna magħhom, Marija u Ġużeppi, Xmun u Anna u l-maħbub Ġesù. Nitolbuh lill-Mulej biex ikun il-ħajja tagħna, salvazzjoni, glorja u dawl.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Mal 3:1-4
Salm: 23:7-10
Qari II: Lhud 2:14-18
L-Evanġelju: Lq 2:22-40
Ritratti: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta