Għeżież ħuti!
Qed niċċelebraw it-33 Jum Dinji tal-Marid fis-Sena tal-Ġublew 2025, li fiha l-Knisja tistedinna biex insiru “pellegrini tat-tama”. Il-Kelma ta’ Alla takkumpanjana, u toffrielna permezz ta’ San Pawl, messaġġ li jqawwielna ħafna qalbna: “It-tama ma tqarraqx bina” (Rum 5, 5), anzi, tqawwina waqt it-tiġrib.
Dawn huma kliem li jfarrġuna, imma jistgħu jħawdu speċjalment lil min jinsab għaddej minn xi tbatija. Għax, ngħiduha kif inhi: kif nista’ nkun qawwi, meta ninħakem minn xi marda serja li ġġibni bla saħħa, u meta jkolli bżonn xi kura li tiswa ħafna flus li jien ma nistax noffordja? Kif nista’ nuri qawwa meta, minbarra t-tbatija tiegħi stess, nara wkoll it-tbatija ta’ dawk li jħobbuni, u, minkejja li huma qrib tiegħi, iħossuhom bla saħħa biex jgħinuni? F’dawn iċ-ċirkustanzi kollha nħossu l-bżonn ta’ qawwa ikbar minn dik li għandna aħna: għandna bżonn l-għajnuna ta’ Alla, tal-grazzja tiegħu, tal-Providenza tiegħu, ta’ dik il-qawwa li hi don tal-Ispirtu tiegħu (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1808).
Għalhekk ejjew nieqfu ftit biex nirriflettu fuq kemm Alla jibqa’ qrib ta’ min ibati, b’mod partikolari taħt tliet aspetti: il-laqgħa, id-don u l-qsim.
1. Il-laqgħa. Meta Ġesů bagħat lit-tnejn u sebgħin dixxiplu (ara Lq 10,1-9), qalilhom biex ixandru lill-morda: “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom” (v. 9). Talabhom, fi kliem ieħor, biex jgħinu lill-morda jaraw il-marda tagħhom, għalkemm tkun sitwazzjoni iebsa u li tifhimhiex, bħala okkażjoni biex jiltaqgħu mal-Mulej. Meta nkunu morda, inħossu d-dgħufija umana tagħna fuq il-livelli fiżiku, psikoloġiku u spiritwali. Iżda aħna wkoll nesperjenzaw il-qrubija u l-kompassjoni ta’ Alla, li, fil-persuna ta’ Ġesů, ħa sehem fit-tbatija umana tagħna. Alla ma jħalliniex waħedna u ħafna drabi jissorprendina billi jagħtina qawwa li qatt ma nkunu stennejna, u li qatt ma konna SE nsibu waħedna.
Il-mard, mela, isir okkażjoni ta’ laqgħa li tibdilna, għax inkunu skoprejna blata li nkunu nistgħu nżommu sodi magħha fost it-tempesti tal-ħajja, esperjenza li, anke jekk tkun switilna ħafna, lilna tagħmilna aktar b’saħħitna għax tgħallimna li m’aħniex waħedna. It-tbatija dejjem iġġib magħha wegħda misterjuża ta’ salvazzjoni, għax tgħinna nagħmlu esperjenza ta’ kemm Alla hu verament qrib tagħna u kemm jagħtina konsolazzjoni. B’dan il-mod, insiru nafu “il-milja tal-Evanġelju bil-wegħdiet u l-ħajja kollha li jagħtina” (San Ġwanni PAWLU II, Diskors liż-Żgħażagħ, New Orleans, 12 ta’ Settembru 1987).
2. Dan iwassalna għat-tieni mod li Alla huwa qrib it-tbatija tagħna: id-don. Aktar minn kull ħaġa oħra, it-tbatija tagħmilna konxji li t-tama ġejja mill-Mulej. Huwa għalhekk, l-ewwel u qabel kollox, dan huwa don li għandu jiġi milqugħ u kkultivat, billi nibqgħu’ “fidili lejn il-fedeltŕ ta’ Alla”, skont l-espressjoni sabiħa ta’ Madeleine Delbręl (cf. La speranza č una luce nella notte, Belt tal-Vatikan 2024, Daħla).
Tabilħaqq, il-ħajja u d-destin tagħna isibu posthom biss fil-qawmien ta’ Kristu mill-mewt. Huwa biss fil-misteru tal-Għid ta’ Ġesů li aħna għandna ċ-ċertezza li “la l-mewt, la l-ħajja, la anġli, la l-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond u ebda ħliqa oħra ma jistgħu jifriduna mill-imħabba ta’ Alla” (Rum 8:38-39). Din it-“tama kbira” hija l-għajn ta’ dawk ix-xrariet żgħar ta’ dawl li jgħinuna naraw it-triq tagħna qalb il-provi u l-ostakli tal-ħajja (ara BENEDITTU XVI, Spe Salvi, 27, 31). Il-Mulej irxoxt jasal biex jimxi magħna bħala kumpann fil-vjaġġ, bħalma għamel mad-dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws (ara Lq 24, 13-53). Bħalhom, nistgħu naqsmu miegħu il-biżgħat, it-tħassib u d-diżappunti tagħna, u nisimgħu l-kelma tiegħu, li ddawwalna u ssaħħan il-qalb tagħna. Bħalhom ukoll nistgħu nagħrfuh preżenti fil-qsim tal-ħobż u b’hekk, anki minn issa, inħossu dik “ir-realtŕ ikbar” li, meta jersaq qrib tagħna, jerġa’ jagħtina l-kuraġġ u l-fiduċja.
3. Issa naslu għat-tielet mod ta’ kif Alla huwa qrib tagħna: permezz tal-qsim. Il-postijiet ta’ tbatija, spiss huma wkoll postijiet fejn wieħed jista’ jaqsam ħajtu ma’ ħaddieħor u allura jkun hemm arrikkament reċiproku. Kemm-il darba, ħdejn is-sodda tal-marid nitgħallmu nittamaw! Kemm-il darba, meta nkunu qrib ta’ xi ħadd li qed ibati nitgħallmu jkollna l-fidi! Kemm-il darba, meta nieħdu ħsieb dawk li huma fil-bżonn, niskopru l-imħabba! Niskopru li aħna “anġli” tat-tama u messaġġiera ta’ Alla għal xulxin, ilkoll flimkien: kemm jekk morda, tobba, infermiera, membri tal-familja, ħbieb, saċerdoti, reliġjużi irġiel u nisa, inkunu fejn inkunu, kemm jekk fil-familja jew fi sptarijiet, djar tal-anzjani, kliniċi jew ċentri mediċi.
Jeħtieġ nitgħallmu kif napprezzaw is-sbuħija u s-sens ta’ dawn il-laqgħat mimlija grazzja. Irridu nitgħallmu kif ngħożżu t-tbissima ġentili ta’ l-infermiera, il-gratitudni u l-fiduċja ta’ pazjent, il-wiċċ mimli ħlewwa ta’ tabib jew voluntier, jew il-ħarsa ansjuża tal-miżżewġin, tat-tfal, tan-neputijiet jew ta’ xi ħabib għażiż. Dawn kollha huma raġġi ta’ dawl li għandna napprezzaw, anke f’nofs ta’ lejl mudlam ta’ tbatija, għax dawn jagħtuna s-saħħa, u fl-istess ħin jgħallmuna t-tifsira aktar profonda tal-ħajja, tal-imħabba u tal-qrubija (ara Lq 10,25-37).
Għeżież ħuti, intom li intom morda jew li tieħdu ħsieb dawk li qed ibatu, f’dan il-Ġublew intom għandkom sehem tassew importanti. Il-mixja tagħkom flimkien hija sinjal għal kulħadd: “innu għad-dinjitŕ tal-bniedem, għanja ta’ tama” (Spes Non Confundit, 11), innu li l-ħoss tiegħu jinstema’ ferm ʼil bogħod mill-kmamar u s-sodod tal-isptarijiet, u jservi biex iqanqal l-imħabba fis-soċjetŕ kollha kemm hi” (ibid.) f’armonija li xi drabi hija diffiċli biex tinkiseb, iżda li għalhekk iġġib tant faraġ u dawl kull fejn huma l-aktar meħtieġa.
Il-Knisja kollha tirringrazzjakom ta’ dan! Jien nirringrazzjakom ukoll, u niftakar fikom dejjem fit-talb tiegħi. Nafdakom f’idejn il-Madonna, Saħħa tal-Morda, bil-kliem li tant minn ħutna talbuha fis-siegħa tagħhom ta’ bżonn:
Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa ta’ Alla.
La twarrabx minn quddiemek it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,
U eħlisna dejjem minn kull tiġrib, O Verġni glorjuża u mbierka.
Inbierek lilkom u lill-familji u l-maħbubin tagħkom, u nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex ma tinsewx titolbu għalija.
Sors: laikos.org