L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-mentalità prevalenti fi żmien Ġesù, imma forsi mhux inqas fi żmienna; li jekk inti għani, għandek ħafna flus, allura inti mbierek, jew inkella bniedem ta’ suċċess, għax il-kwalità tal-ħajja tiddependi mill-flus. Ġesù qed jgħallimna li dan kollu hu bluha. Li jekk it-teżor veru tal-bniedem hu l-paċi tal-qalb u Saltna tas-Smewwiet, mhix kwistjoni ta’ għana; imma kwistjoni ta’ qalbek fejn qiegħda. Kemm hi bluha, meta l-bniedem jgħid: ‘Il-qawwa tiegħi hi l-flus’. Xi bluha! Għax bil-flus tixtri ħafna affarijiet, imma ma tistax tixtri l-paċi, ma tistax tixtri l-verità. Tixtri l-gidba, iva; imma mhux l-verità. Ma tistax inti tixtri l-hena, tista’ tixtri xi ħaġa li tnessiek, imma mhux l-hena.

Forsi dak li hu l-iżjed essenzjali, u l-iżjed prezzjuż għall-bniedem, u għal kwalità tal-ħajja tiegħu, hu lil hemm mill-ħajja tiegħu. Kien hemm għaref tal-Knisja, li kien għaref tassew; ma kienx sinjur, imma kellu l-għerf, li kien jgħid: ‘Mhux il-flus ħżiena, imma r-regħba ħażina’. Inti l-qalb tiegħek fejn qiegħda? U allura min hu għani u marbut mal-għana tiegħu b’mod diżordinat, li allura l-bnedmin l-oħra għalihom huma dubbien, li l-ħaddiem tiegħu mhux importanti u m’għandux dinjità u drittijiet, dan se jsibha diffiċli ħafna biex jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet.

L-għana jaf jonfoħ il-qalb, jaħseb li aħna m’għandna bżonn ħadd. Jiena m’għandi bżonn lil ħadd. Xi bluha tgħid hekk! Mentri l-għerf, hu li tgħid: ‘Sinjur Alla, jien għandi bżonnok’. Li dak li għandek, Alla jbirikhulek u jkattarhulek, taqsmu ma’ ħaddieħor, b’mod speċjali ma’ min għandu bżonn.

Tista’ tixtri xi ħaġa li tnessiek, imma mhux l-hena.

Anke Pietru jippretendi xi ħaġa: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x’se jmissna?” (Mt 19:27) Ma nlumuhx lil Pietru, għax aħna l-istess nagħmlu. Kultant meta ngergru lil Ġesù: ‘Jiena nagħti karità, lill-Kappillan meta jitlobni xi ħaġa nagħtih dejjem; allura lili bgħattha din il-marda?’ Mhux hekk nirraġunaw xi kultant ma’ Ġesù? Lil Pietru m’għandniex għalfejn inlumuh jew nitkażaw bih, għax aħna nagħmlu l-istess; jekk mhux kuljum, darba iva u darba le. Il-Mulej lanqas imerih. Jgħidlu: ‘Min iħalli kollox minħabba fija, se jkollu l-ħlas tiegħu, mhux bilfors minn issa’. Għalkemm tiltaqa’ ma’ ħafna nies u din hi xi ħaġa li nagħmlu l-esperjenza tagħha; li meta tafda fil-Mulej, ikollok libertà kbira u anke serħan tal-moħħ, imma anke tgħin lil ħutek, il-Mulej jipprovdilek. Forsi mhux se jkollok, biex tixtri nofs id-dinja, imma jekk għandek biċċa ħobż biex titrejjaq, u għandek il-paċi tal-qalb, mhux sinjur kbir? Hawn min ma jaqbilx miegħi. Imma pprova ixtriha l-paċi tal-qalb, ara f’liema xkaffa ta’ liema supermarket hemm miktub ‘Paċi tal-qalb’ u ejja għidli l-indirizz, jekk jogħġbok.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Imħ 6, 11-24a
Salm: 84 (85), 9.11-12.13-14
Evanġelju: Mt 19, 23-30