L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Telaq b’qalbu sewda”. Hekk naqraw fl-Evanġelju tal-lum fuq dan iż-żagħżugħ li resaq lejn Ġesù biex jistaqsih x’għandu jagħmel, it-tajjeb li għadu jagħmel, biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem. Nafu li Ġesù semmielu l-kmandamenti, u ż-żagħżugħ qallu “dan kollu ħaristu”. Imbagħad għamillu stedina. Qallu: “mur bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra… imbagħad ejja u imxi warajja.” Imma ż-żagħżugħ “telaq b’qalbu sewda għax kien għani ħafna”.

Dan iż-żagħżugħ kien bniedem li kellu prinċipji etiċi, jiġfieri li jagħżel it-tajjeb mill-ħażin. Anzi, il-mistoqsija tiegħu kienet “x’għandi nagħmel tajjeb…” – kellu ħeġġa biex jagħmel it-tajjeb. Kellu wkoll xewqa li jimla l-qalb tiegħu. U kien għal dik ix-xewqa tiegħu li Ġesù għamillu din l-istedina. Imma daż-żagħżugħ kellu tant qalbu marbuta mal-ġid, li rrifjuta l-istedina ta’ Ġesù biex ikun dixxiplu tiegħu.

Tolqotni ħafna l-frażi: “telaq qalbu sewda”. Baqa’ bil-ġid li kellu, imma qalbu sewda. Il-ġid li kellu ma kienx jista’ jimlielu qalbu. Minn kif tkellem hu, il-ġid kien stinka għalih. Ma kienx għana frott ta’ koruzzjoni, jew ħasil tal-flus, jew xi serq, jew prattiċi oħra ħżiena. Kien stinka għalih, ħadem għalih, u kellu l-ġid. Imma jidher li dan il-ġid kien tant ħakmu fil-ħajja, li ma setax jara kif jista’ jagħżel teżor ieħor li Ġesù semmielu – it-teżor fis-sema biex ikun dixxiplu tiegħu.

L-istedina ta’ Ġesù kienet biex qalbu tinfetaħ ukoll għall-oħrajn, għax qalb magħluqa għall-oħrajn tagħmlek qalbek sewda

Hawnhekk għandna messaġġ importanti għall-ħajja tagħna f’dan l-Evanġelju. L-ewwel nett, il-ħarsien tal-kmandamenti, għax Ġesù minn hemm jibda. Ġesù jibda billi jsemmielu kemm hu importanti li nħarsu l-kmandamenti. Jekk naħsbu ftit, huma l-kmandamenti, meta nħarsuhom, li jgħinu fil-bini ta’ soċjetà li tirrispetta l-bniedem. Dan li semma Ġesù, meta qal “la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz”, hemmhekk il-kmandamenti qed jgħidulna x’m’għandniex nagħmlu, x’għandna nevitaw, biex inħarsu d-dinjità u l-libertà tagħna u tal-oħrajn. Għalhekk il-kmandamenti jgħinu tassew fil-bini ta’ soċjetà li tirrispetta l-bniedem. Imma Ġesù ried xi ħaġa aktar. U jrid ifakkarna li rridu noqogħdu attenti biex il-ġid li għandna ma jsirx jikkmandana hu, flok nużawh biex aħna nistgħu ngħixu b’mod deċenti u biex nagħmlu wkoll il-ġid lill-oħrajn.

Fil-fatt, hawn tolqtok ħafna kif meta Ġesù semmielu l-foqra, biex jagħti l-ġid lill-foqra, ir-reazzjoni ta’ daż-żagħżugħ ma kinitx “jien lil dawk ngħinhom ukoll!” Ma semmielu xejn fuq il-foqra. Jidher li daż-żagħżugħ kien iħares lejn l-oħrajn u jara li ma jagħmlilhomx ħsara – għalhekk il-ħarsien tal-kmandamenti. Ma jagħmilx ħsara lill-oħrajn – dak diġà pass, u pass importanti! Imma Ġesù qed jistiednu mhux biss biex ma jagħmilx ħsara lill-oħrajn, imma biex jara kif jagħmel il-ġid lill-oħrajn, speċjalment ukoll lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Għalhekk l-istedina ta’ Ġesù kienet biex qalbu tinfetaħ ukoll għall-oħrajn, għax qalb magħluqa għall-oħrajn tagħmlek qalbek sewda, bħalma telaq dan, qalbu sewda.

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati mill-kelma tiegħu, l-ewwel nett biex inħarsu l-kmandamenti tiegħu, kif iħeġġiġna hu; imbagħad ukoll biex aħna qatt ma norbtu qalbna mal-ġid tal-art, imma nużaw il-ġid li għandna b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem. Niftakru li huwa hu dejjem l-aqwa teżor li jista’ jimla l-qalb tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju