Il-messaġġ tal-Milied tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Fl-esperjenza tat-talb tal-Knisja f’dan iż-żmien qaddis tal-Milied, it-tema tad-dawl jiddi fid-dlam hija tema qawwija ħafna. Fil-lejl tal-Milied niftakru fil-profezija ta’ Iżaija li jgħidilna li “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir” (Iż 9:1). Is-sebħ tal-Mulej idda fuq l-umanità, fuqna – bnedmin li għandna tassew bżonn it-twelid tas-Salvatur.

Ħafna drabi f’dawn il-ġranet, fit-talb tiegħi niftakar f’talba li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Kemm tkun ħaġa sabiħa dan il-Milied jekk aħna nirriflettu fuq din it-talba sempliċi imma profonda ta’ dan il-qaddis Malti. Quddiem it-tarbija ta’ Betlehem, quddiem Ġesù mfisqi u mimdud f’maxtura minn ommu Marija, aħna nħarsu lejn il-wiċċ ta’ Alla – tarbija vulnerabbli li għandha bżonn l-għajnuna tagħna – u lill-Mulej ngħidulu: għandna bżonnok. Għandna bżonnok biex tgħallimna kif inħobbu lil xulxin, għandna bżonnok biex tgħallimna nagħżlu t-tajjeb f’ħajjitna, għandna bżonnok biex tgħallimna u tgħinna naħfru lil xulxin.

Id-dinja hija għatxana għall-paċi, hija għatxana wkoll għall-ferħ. Fil-lejl tal-Milied l-anġlu jagħti aħbar lir-ragħajja, li kienu kategorija mistmerra u mwarrba tas-soċjetà ta’ dak iż-żmien, u jgħidilhom: “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir… Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur” (Lq 2:10,11) u s-sinjal ta’ dan kollu mhix xi ħaġa gwappa jew qawwija, hija tarbija mimduda f’maxtura.

Fil-bidu ta’ Diċembru ta’ din is-sena, il-Papa Franġisku ħareġ meditazzjoni sabiħa b’riflessjonijiet sbieħ ħafna dwar il-presepju. Jiena ninnota b’ferħ kbir li fid-djar tagħna għadna ngħożżu l-presepju. Kien San Ġorġ Preca stess li f’kull dar xtaq li jkun hemm presepju ċkejken, imqar grotta, u lill-katekisti tiegħu tal-MUSEUM għallimhom li fil-Milied jagħtu grotta jew Bambin jew presepju żgħir lil kull tifel u tifla li jmorru għall-katekiżi fl-oqsma tagħhom, biex jeħduh magħhom id-dar. L-idea ta’ San Ġorġ Preca kienet li aħna niftakru dwar is-sinifikat profond u vera tal-Milied.  

Il-Mulej ġie biex itaffi l-għatx għall-ġustizzja u għall-verità imma ġie wkoll biex jgħallimna l-ħniena, l-għaqda, il-paċi ta’ bejnietna.

Il-Papa Franġisku ried ifakkar lill-Knisja kollha dwar l-għożża tal-presepju u dwar kemm hi ħaġa sabiħa li fil-familji tagħna, il-Papa jgħid anke fil-postijiet pubbliċi, ikun hemm din ir-rappreżentazzjoni tat-twelid tal-Mulej li tfakkarna fuq is-sinifikat profond u veru tal-Milied. Il-Papa jitkellem dwar il-persunaġġi li hemm fil-presepju, jitkellem ukoll dwar il-fatt li fil-presepju aħna npoġġu l-kwiekeb, xi xmara, is-siġar, il-grotta, il-baqra u l-ħmara, in-nagħaġ u annimali oħrajn. Il-Papa jgħid li l-ħolqien kollu jadura l-misteru tat-twelid tal-Mulej, tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem. Jitkellem ukoll dwar diversi pasturi li aħna npoġġu, ir-ragħajja li laqgħu l-istedina li jersqu lejn il-maxtura u jaraw din it-tarbija li meta tikber, dan Ġesù ta’ Nazaret jgħid: “Jiena l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema” (Ġw 6:51). Jgħid ukoll: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb li nagħti ħajti għan-nagħaġ tiegħi” (ara Ġw 10:11).

Jekk hemm xi ħadd li qed jismagħni, li jħossu mtaqqal minħabba ċ-ċirkustanzi tal-ħajja, jiena nistiednu biex jersaq lejn il-maxtura tal-Mulej u jgħidlu t-talba profonda u ħerqana: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Jekk hemm xi ħadd li huwa ferħan u għandu għaliex jifraħ, jalla l-ferħ tiegħu jkun jista’ jaqsmu mal-proxxmu tiegħu.

San Ġorġ Preca għallimna t-talba: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’

Kemm hi ħaġa sabiħa li fil-Milied aħna nagħtu rigal lil xulxin biex infakkru li rċevejna l-aqwa rigal, li Alla sar bniedem. Nistgħu nħarsu lejh u nistgħu naraw ir-risposta tal-imħabba tiegħu għal kull wieħed u waħda minna.

Il-Mulej ġie biex itaffi l-għatx għall-ġustizzja u għall-verità imma ġie wkoll biex jgħallimna l-ħniena, l-għaqda, il-paċi ta’ bejnietna. Jalla dan il-Milied isibna ħerqana u fl-istess ħin attenti għal dak li għamel il-vera Milied: it-twelid ta’ Ġesù tarbija.

Missirijietna għallmuna biex lill-Mulej ngħidulu biex mhux hu jibki, imma aħna nibku dnubietna. Aħna u niftakru fin-nuqqasijiet tagħna, m’għandniex naqtgħu qalbna, nersqu lejh li huwa t-tabib tar-ruħ tagħna, nersqu lejh li huwa l-għajn tal-ħniena u l-għajn tal-paċi. F’dan il-Milied niftakru li twildilna l-Prinċep tal-paċi u l-paċi tal-qalb hija l-ikbar rigal u l-ikbar barka li jiena nawgura lil kull wieħed u waħda minna.

Il-Milied it-tajjeb mill-qalb!

Charles Jude Scicluna
  Arċisqof ta’ Malta