Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fil‑lejl qaddis tal‑Milied huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nsellem lil kull wieħed u waħda minnkom, għeżież Maltin u Għawdxin. Insellmilkom bit‑tislima tal‑anġlu f’dan il‑lejl qaddis: Glorja lil Alla fil‑ogħla tas‑smewwiet, paċi fl‑art lil bnedmin ta’ rieda tajba, lill‑bnedmin li Alla tassew iħobb. Illum fil‑belt ta’ David tweldilna Salvatur li hu Kristu l‑Mulej (ara Lq 2:11‑14). Imma dan il‑kliem f’din is‑sena daqshekk ikkumplikata, immarkata bil‑pandemija tal‑COVID‑19, xi jfisser?
Din is‑sena, f’dan il‑Milied, ejjew nistiednu lill‑Mulej Ġesù jiġi magħna u jiġi fostna ta’ li hu: Alla mħabba magħmul bniedem. L‑isem tiegħu, Ġesù, ifisser ‘Alla Salvatur’, imma isem ieħor li jagħtih il‑Profeta Iżaija huwa ‘Għimmanu‑El, Alla magħna’.
Alla fejn qiegħed f’dan kollu?
Min jaf kemm‑il darba f’dawn l‑aħħar xhur li għaddew minn fuqna staqsejna lilna nfusna: imma Alla fejn qiegħed f’dan kollu? Illum inħarsu lejn it‑tarbija fil‑maxtura ta’ Betlehem u r‑risposta hija l‑bikja kiebja ta’ tarbija li tgħidilna: “Jiena qiegħed hawn miegħek, għalik, jiena Alla magħmul bniedem, jiena Alla miegħek, Għimmanu‑El”.
Din is‑sena rajna xhieda sabiħa ta’ mħabba li offrewlna tant frontliners li taw risposta sabiħa u ġeneruża — insejħulha wkoll erojka — għall‑pandemija li laqtitna bla avviż, burraxka li m’aħniex se ninsewha malajr. Nixtieq insellmilhom u nagħtihom mhux biss il‑barka f’isem il‑Mulej u f’isimna, imma wkoll infisser f’isem kull wieħed u waħda minna l‑gratitudni tagħna.
Darba minnhom Ġesù uża din it‑tixbiha tiegħu nnifsu bħala t‑tabib: huma l‑morda li jixtiquh it‑tabib (ara Mt 9:12). Aħna f’dawn ix‑xhur, b’sens ta’ gratitudni imma wkoll b’sens ta’ ammirazzjoni, ersaqna u ħarisna lejn it‑tobba, l‑infermiera, l‑awtoritajiet tas‑saħħa, lejn tant staff mediku u oħrajn fir‑residenzi tal‑anzjani tagħna u f’ambjenti oħrajn li kienu taħt prova kbira.
Il‑Milied irid iġib ukoll mhux biss fejqan fiżiku li nawgurawh lil kulħadd, imma fejqan spiritwali. U l‑Mulej biex ifejjaqna ma jibgħat l‑ebda tabib tal‑ġisem imma jibgħat tarbija. It‑tobba tal‑ġisem qegħdin magħna, il‑Mulej ikompli jagħnihom bil‑għerf u bis‑saħħa. Imma din it‑tarbija ta’ Betlehem, il‑Mulej Ġesù meta jikber, jgħidilna li kulma għamilna mal‑iżgħar fost dawn ħutna, għamilnieh miegħu (ara Mt 25:40). Hu tant uman li huwa wkoll wieħed minna.
Is‑sena li ġejja
Fis‑sena li ġejja, li lkoll qed inħarsu lejha b’tama kbira, hemm bżonn li nkunu xhieda — bħalma għamilna f’dawn l‑aħħar xhur — tal‑għożża li għandna għal xulxin. Hemm bżonn nikkoperaw mal‑awtoritajiet tas‑saħħa għax din hija espressjoni tal‑imħabba konkreta. Kull min jista’ jieħu l‑vaċċin għandu jieħdu għaliex b’hekk nipproteġu mhux biss lilna nfusna imma anke lil dawk ħutna li minħabba ċirkustanzi differenti ma jistgħux jieħdu l‑vaċċin.
Kemm huwa importanti li aħna nifhmu dak kollu li tgħallimna f’dawn l‑aħħar xhur; kemm hemm affarijiet għeżież li forsi ċċaħħadna minnhom u sibna t‑tifsira vera tagħha bħalma hi t‑tgħanniqa bejn il‑maħbubin u bejn il‑ħbieb — li d‑distanza soċjali ċaħħditnaminnha — imma wkoll il‑possibbiltà li nżuru lill‑għeżież tagħna, b’mod speċjali l‑anzjani tagħna.
Irrid insellem ukoll lil dawk il‑familji li minħabba l‑pandemija tilfu lil xi ħadd għażiż u kellhom jgħaddu mill‑esperjenza kiefra li ma jistgħux ikunu qrib l‑għeżież tagħhom fl‑aħħar mumenti tal‑ħajja. Tgħiduli dan se ssemmih ukoll f’lejlet il‑Milied? Tajjeb li niftakru li l‑Milied ma kienx biss ta’ ferħ għar‑ragħajja, għall‑maġi, u għal Marija u Ġużeppi, imma wkoll kien ta’ sfida. Il‑maġi kellhom jagħmlu vjaġġ twil; ir‑ragħajja jisimgħu leħen l‑anġlu jistieden lilhom, l‑imwarrbin tas‑soċjetà li sabu s‑Salvatur tagħhom; Ġużeppi u Marija kellhom jagħmlu vjaġġ kbir lejn Betlehem, l‑art u l‑belt ta’ David, biex jobdu ċ‑ċensiment li ordna l‑imperatur. Meta waslu fil‑belt ta’ Betlehem ma sabux post fil‑lukanda. Ġużeppi jpoġġi lill‑għażiża Marija fi stalla f’għar tal‑annimali. Hemmhekk jitwieled is‑Salvatur tagħna.
Meta aħna nħarsu lejn il‑presepju f’dawn il‑ġranet, ejjew nifhmu li anke għal Marija u Ġużeppi, bħalma jgħid il‑Papa Franġisku, il‑ħajja ma kinitx biss ward u żahar imma kienet ukoll sfida bħalma hi għal ħafna minna.
Tama għall‑poplu tagħna
Il‑kelma tiegħi hija kelma ta’ tama għall‑poplu tagħna, kelma u tħeġġiġa biex aħna nkomplu naħdmu flimkien għall‑ġid ta’ kulħadd. Il‑ħsieb tiegħi wkoll imur lejn tant nies li jistgħu biss isegwu l‑quddiesa ta’ kuljum permezz tat‑trażmissjonijiet li għamilna matul din is‑sena. Nirringrazzja lil tant nies li ssapportjaw lilna l‑Isqfijiet, li tawna kelma ta’ kuraġġ, u li forsi ltaqgħu magħna għal‑ewwel darba bħala isqfijiet inxandru l‑Kelma ta’ Alla u nħabbru l‑Aħbar it‑Tajba tas‑Salvatur li twieled għalina.
Il‑ħsieb tiegħi wkoll imur lejn ħutna l‑emigranti li mhumiex f’Malta u Għawdex imma jsegwuna, iħobbuna u aħna mhux biss insellmulhom imma nawgurawlhom bħalma nawguraw lil xulxin. Nawgura lill‑poplu Malti u Għawdxi, Milied hieni u sena ġdida mimlija risq, barka u saħħa.
Il‑paċi magħkom.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta