Ittra mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex mibgħuta lbieraħ, 1 ta’ Diċembru 2022, lill-membri parlamentari dwar l-emenda proposta fil-Liġi ta’ Malta dwar it-terminazzjoni tat-tqala.

Onorevoli,

Nixtiequ nuru l-preokkupazzjoni kbira tagħna, flimkien ma’ tant nies oħra, dwar l-Abbozz ta’ Liġi numru 28 tal-2022 li jemenda l-Kodiċi Kriminali, Kap. 9, u li jekk approvat kif inhu mill-Parlament, iddaħħal l-abort f’Malta.

Skont kif kien intqal uffiċjalment, l-oriġini ta’ din l-emenda kienet ix-xewqa li, f’każ li tabib jagħmel intervent mediku biex isalva l-ħajja tal-omm li tkun f’periklu li tmut, u minħabba dan l-intervent tmut it-tarbija, it-tabib u l-omm ma jkunux suġġetti għal passi kriminali kontrihom. Aħna nafu li għal snin twal qatt ma kien hemm problema f’dan. Dejjem sar kull sforz biex jiġu salvati l-ħajja tal-omm u tat-tarbija u, fejn mhux possibbli li jkunu salvati t-tnejn, tiġi salvata l-ħajja tal-omm. Fir-realtà ma kienx hemm bżonn ta’ bidla fil-liġi, imma ntqal li l-emenda tressqet biex l-affarijiet ikunu ċari legalment.

L-emenda mressqa ma tagħmilx dan. Tintroduċi xi ħaġa differenti. Ma titkellimx biss fuq li ssalva l-ħajja tal-omm li tkun f’periklu li tmut, imma titkellem ukoll fuq li telimina ħajja ġdida biex tħares is-saħħa tal-omm. Din l-emenda ddaħħal l-abort, bħalma turina b’mod tant ċar l-istorja ta’ diversi pajjiżi li daħħlu l-abort bl-użu tal-kelma “saħħa”, b’riżultati koroh immens ta’ qerda ta’ ħajja umana. L-emenda qed tgħid li biex tħares is-saħħa ta’ xi ħadd, li mhux fil-periklu tal-mewt, tista’ toqtol il-ħajja ta’ ħaddieħor. Din hi gravi ħafna. Fejn is-saħħa teħtieġ kura, għandna naħdmu bis-sħiħ biex tingħata kura; fejn l-omm għandha diffikultà ta’ tip jew ieħor, għandha ssib l-appoġġ u s-sostenn li teħtieġ. Imma qatt ma tħares is-saħħa ta’ xi ħadd billi toqtol il-ħajja ta’ ħaddieħor.

Li jħoll u jorbot mhuwiex dak li jingħad bil-kliem imma dak li hemm miktub fl-Abbozz ta’ liġi, kif ifissru tajjeb l-esperti tal-liġi, li juru li l-emenda, kif miktuba, iddaħħal l-abort u tagħti lok li dan isir sat-twelid.

Nagħmlulek appell ħerqan: agħraf ir-responsabbiltà kbira li ġġorr fuq spallejk li ssalva l-ħajja, mhux teqridha. Fit-tnissil hemm ħajja umana ġdida. Din għandha tiġi mħarsa. Fil-ġuf tal-omm ma hemmx xi ħaġa imma hemm xi ħadd. Mhijiex xi ħaġa li tista’ tarmiha jew teqridha, imma xi ħadd – ħajja umana vulnerabbli u dgħajfa li għandek tipproteġiha.

Nitolbu li jirnexxilek tagħraf kemm hi serja din l-għażla li għandek quddiemek, u tagħżel il-ħajja mhux il-mewt.

Tiegħek,

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta     
President tal‑Konferenza Episkopali Maltija

✠ Anton Teuma
    Isqof ta’ Għawdex

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju