-
-
Ħamsin jum wara l-Għid il-Kbir tal-Qawmien mill-Mewt tal-Mulej Ġesù niċċelebraw il-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli u d-dixxipli miġbura fit-talb ma’ Marija, Omm Ġesù. Ir-rakkont li jagħtina San Luqa fl-Atti tal-Appostli jsemmi esperjenza ta’ riħ qawwi li mela l-kamra ta’ fuq fejn kienu d-dixxipli, u ilsna tan-nar li dehru fuq kull wieħed u waħda minnhom. Jissemmew ukoll ilsna oħra: meta l-appostlu Pietru u sħabu joħorġu jxandru b’kuraġġ il-Bxara t-Tajba, dawk kollha li semgħuhom irrealizzaw li għalkemm kienu ġejjin minn pajjiżi differenti, ilkoll xorta waħda setgħu jifhmu l-Bxara t-Tajba fl-ilsien tagħhom. B’hekk, f’Għid il-Ħamsin infakkru li d-don tal-Ispirtu jressaq bnedmin ta’ ilsna differenti lejn xulxin huma u jidħlu f’kuntatt max-xhieda ta’ Ġesù u jilmħu l-qawwa tiegħu. B’hekk ukoll jitħassar l-għajb tal-firda bejn il-bnedmin li, kif tgħallimna l-esperjenza tat-Torri ta’ Babel, hija frott is-suppervja tal-bniedem li jrid jibni ċ-ċiviltà tiegħu mingħajr Alla u jispiċċa biex jiżra’ l-firda u l-vjolenza.
Soċjetà li tħaddan id-diversitàL-Ispirtu s-Santu mhuwiex spirtu li jimponi uniformità riġida li toħnoq id-diversità. L-Ispirtu s-Santu huwa bħal nida qaddisa li fil-Ġnien tal-Ħolqien tilma fuq il-pjanti, fuq il-fjuri u fuq is-siġar differenti mingħajr ma teqred u xxejjen dak kollu li Alla nnifsu ddikjara li hu tajjeb. Illum il-Knisja ssejjaħ lill-Ispirtu s-Santu, it-Tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa Alla wieħed, bil-kliem meqjus: Veni Creator Spiritus (Ejja Spirtu Ħallieq). Ejja u nissel fil-qlub tal-fidili tiegħek id-don tal-imħabba: imħabba għal Alla, imħabba għall-bnedmin l-oħra, imħabba għall-ħolqien kollu u mħabba għalihom infushom.
Fejn hemm dan il-frott qares m’hemmx l-id ta’ Alla.
Fid-dawl tal-ġrajja u tal-esperjenza li qegħdin niċċelebraw illum, l-appell tagħna lil kull bniedem ta’ rieda tajba huwa li nibnu flimkien soċjetà inklużiva li tagħraf tħaddan id-diversità bħala don kbir tal-Ħallieq. Bħala komunità ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba, aħna l-Insara Kattoliċi jeħtieġ li neżaminaw dawk l-aspetti tal-prattika reliġjuża tagħna li huma ispirati mill-pika, mill-għira, mis-sens ta’ superjorità, mis-suppervja, mid-disprezz tal-oħrajn, mill-preġudizzji, mill-mibgħeda u mill-biża’. Fejn hemm dan il-frott qares m’hemmx l-id ta’ Alla. “Il-Frott tal-Ispirtu,” kif jgħallimna l-Appostlu Missierna, huma l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa u r-rażan. (Gal. 5:23). Dawn il-kwalitajiet umani, li huma rigal ta’ Alla, inisslu fina sens ta’ rispett lejn id-dinjità u l-integrità ta’ kull bniedem li niltaqgħu miegħu.
Jekk il-preġudizzji u l-mibgħeda jwasslu għall-esklużjoni, il-qerda u l-qtil, l-imħabba twassal għall-bini mill-ġdid tal-familja tal-bnedmin.
Xhieda konkreta tal-imħabbaAħna, bħala komunità ta’ fidi, qegħdin ngħixu f’soċjetà li, waqt li tapprezza l-għeruq qodma tagħha, tħaddan ukoll diversità ta’ kulturi, lingwi, razez u reliġjonijiet. Din hi opportunità tad-deheb biex nagħtu xhieda tal-imħabba li hija l-lingwa li jifhimha kulħadd. Jekk il-preġudizzji u l-mibgħeda jwasslu għall-esklużjoni, il-qerda u l-qtil, l-imħabba twassal għall-bini mill-ġdid tal-familja tal-bnedmin. Il-bniedem maħluq biex jidħol f’relazzjoni ta’ mħabba ma’ Alla u mal-bnedmin, huma min huma, huma ta’ liema kulur tal-ġilda huma. Din l-imħabba, li hi don ta’ Alla, hija l-pedament ta’ soċjetà inklużiva fejn il-jeddijiet fundamentali ta’ kull bniedem, hu min hu, huma rispettati u mħarsa. Minflok nippuntaw subgħajna lejn dak u lejn l-ieħor, aħna l-Insara Kattoliċi rridu nibdew minna nfusna u nkomplu nibnu pontijiet li, ħerġin mill-qalb tagħna, jersqu u jestendu ’l fuq u lil hinn mill-fondoq tar-razziżmu, tal-preġudizzji u tal-biża’ minn dak kollu li hu barrani, jiġifieri lil hinn minn kull forma ta’ ksenofobija.
Min jiġi fostna biex ifittex ħajja aħjar mhuwiex l-għadu tagħna iżda sieħeb fil-prosperità u l-għana kulturali tagħna.
Fl-istorja tagħna bħala poplu għaddejna minn żminijiet koroh meta l-ħbit frekwenti tal-barrani għalina kien ifisser jasar u ħerba. Illum, sekli wara, ma nistgħux nużaw l-istess atteġġjamenti difensivi. Min jiġi fostna biex ifittex ħajja aħjar mhuwiex l-għadu tagħna iżda sieħeb fil-prosperità u l-għana kulturali tagħna. Il-barranin li hawn f’pajjiżna huma bnedmin bħalna bl-istess dinjità umana bħal tagħna u bl-istess jeddijiet fundamentali li ngawdu aħna. Jekk il-barrani għadu ma ltaqax ma’ Kristu Ġesù, x’jgħid meta jiltaqa’ magħna, il-familja ta’ Ġesù, u jismagħna nitkellmu fuq il-Mulej? X’jgħid meta jara kif ngħixu l-barkiet li għallimna Ġesù stess? X’jgħid meta jara kif niċċelebraw il-fidi tagħna? U fuq kollox, il-barrani li jiġi fostna x’jgħid meta jara kif nitrattawh, b’liema paga nħallsuh, f’liema postijiet ikollu jgħix?
F’dawn l-aħħar ħamsin sena l-Knisja f’Malta kienet minn ta’ quddiem fil-ħidma favur l-immigranti, ir-refuġjati u ħutna l-barranin. Ta’ dan nirringrazzjaw lill-Ispirtu Qaddis tal-Mulej.
Kważi elfejn sena ilu missirijietna laqgħu fostna lill-Appostlu tal-Mulej, Pawlu ta’ Tarsu. Il-ħakem jew il-protos tal-gżira, Publiju, mhux biss laqa’ għandu għal tlett ijiem 276 ruħ iżda ħa ħsieb li, tliet xhur wara, meta Pawlu u sħabu salpaw lejn Sirakuża fi triqthom lejn Ruma, fuq il-ġifen ikollhom dak kollu meħtieġ. Pawlu, il-ħabsi barrani li lqajna fostna, ħabbrilna lil Ġesù, fejjaq lill-morda kollha tal-gżira u permezz tiegħu Alla libbes lil Malta, “l-Omm li tatna isimha”, “bl-oħla dawl”, bid-Dawl ta’ Kristu.
Illum imiss lilna nagħtu xhieda ta’ dan id-Dawl lil ħutna l-bnedmin li jinsabu fostna u magħna. Illum nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex idawwal il-menti u l-qlub tagħna bid-dawl, bil-ħeġġa u bl-imħabba tiegħu għal kulħadd, inkluż għall-barranin li jgħixu fostna.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.
Illum, 31 ta’ Mejju 2019, Festa tal-Viżitazzjoni ta’ Sidtna Marija lil Santa Eliżabetta.
✠ Charles J. Scicluna ✠ Joseph Galea-Curmi
Arċisqof ta’ Malta Isqof Awżiljarju ta’ Malta
-
L-Ittra Pastorali bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija -