Il-Papa Benedittu XVI din is-sena nieda Sena ta’ Fidi bid-dokument li jġib l-isem: “Il-Bieb tal-Fidi”. F’din is-sena huwa qiegħed iħeġġeġ lill-Insara kollha biex jikbru fil-fidi tagħhom. Is-Sena tal-Fidi tibda fil-11 ta’ Ottubru 2012 u tintemm fl-24 ta’ Novembru 2013, Festa ta’ Kristu Sultan. Il-Papa beda b’dan il-kliem: “Il-bieb tal-fidi (Att 14,27) huwa dejjem miftuħ għalina, iwassalna għal għaqda ma’ Alla u joffri d-dħul fil-Knisja”. (n.1)

Aħna u l-Fidi

Jekk hemm xi ħaġa li tgħaqqadna, lilna l-Maltin, hija l-fatt li kważi lkoll ngħidu li “aħna Nsara”. In-Nisrani huwa dak li jemmen, li għandu l-Fidi f’Alla ta’ Ġesù Kristu.

Biss, għal ħafna minna din il-kelma għandha tifsira differenti. Hemm min jgħid li jemmen għaliex il-ġenituri kienu għammduh u għandu ċertifikat tal-magħmudija. Hemm oħrajn li jgħidu li jemmnu għaliex meta kienu żgħar kienu marru l-Katekiżmu sakemm waslu għall-Konfermazzjoni, il-Griżma  tal-Isqof. U hemm oħrajn li anki wara l-Griżma, jew inkella meta saru żgħażagħ jew adulti, baqgħu jgħixu l-fidi tagħhom. Iżda kemm għad hemm minna li jonqsu li jisimgħu lil Ġesù! Tajjeb li fil-bidu nett naraw f’liema kategorija ta’ Nsara aħna – u l-familja tagħna – qegħdin. Kemm hemm bżonn li l-ewwel naraw il-Fidi tagħna fejn waslet.

Il-Fidi

anhekk il-Hwnhekk F’din ius-sentenza tikber fil-fidi

Il-kelma ‘Fidi’ għandha diversi tifsiriet. L-aktar li tintuża bejnietna l-bnedmin huwa  fis-sens li wieħed ikollu ‘fiduċja’ f’persuna oħra. Pereżempju wieħed iħalli somma flus f’idejn ħaddieħor għaliex  għandu ‘fidi’, ‘fiduċja’ fih.

Għalkemm dan huwa għemil tajjeb, is-sena tal-Fidi se tkellimna fuq xi ħaġa differenti. Se nitkellmu fuq dak l-att ta’ twemmin u fiduċja li jgħaddi bejn min jemmen u Alla. U biex dan ikun possibbli, Alla l-Imbierek ta lill-bniedem  żewġ doni kbar li l-bniedem biss għandu. B’differenza mill-annimali li jaslu li jagħrfu biss l-affarijiet materjali li jaqgħu taħt is-sensi tagħhom, il-bniedem għandu l-qawwa li kapaċi jmur lil hinn mill-affarijiet li jaqgħu taħt is-sensi tiegħu. Kapaċi jemmen f’affarijiet oħra. It-tieni don li Alla ta lill-bniedem kien li Alla  ried jikkomunika lilu nnifsu mal-bniedem. Din tissejjaħ ‘rivelazzjoni’.  Il-Mulej neħħa ftit ftit il-velu li kien jgħattih biex aħna nsiru nafuh aktar.

Għażliet

Din is-sena, il-Papa Benedittu qiegħed jgħidilna biex nikbru f’dawn iż-żewġ doni: il-ħin li fih noħorġu mill-affarijiet materjali li hawn madwarna biex il-moħħ tagħna jkun jista’ jimraħ fuq il-ħwejjeġ li huma ta’ Alla. Alla jrid li nagħtu aktar attenzjoni lejn  dawn il-ħwejjeġ li rrivelalna hu, l-aktar  f’Ġesù, biex inħalluhom imexxulna ħajjitna.

Il-problema hi li fi żminijietna hemm ħafna aktar oġġetti li jisirqulna l-attenzjoni tas-sensi tagħna, l-aktar is-smigħ u l-viżjoni. Illum, il-bżonn tagħna ma jikkonsistix filli nimlew il-vojt li hawn madwarna, bħalma kien snin ilu, iżda li ma nixegħlux jew inkella nitfu xi ħaġa biex insibu l-ispazju li fih moħħna jkun jista’ jirċievi u jaħseb fuq affarijiet li huma bogħod minna, moħbijin f’Alla. Il-problema llum hija l-ispazju u l-ħin li fihom irridu ninfetħu.

Irridu nibdew l-ewwel mill-fatt li aħna nagħmlu l-ewwel Att ta’ Fidi: “Alla jeżisti”. Jeżisti l-Ħallieq u rridu nidħlu f’kuntatt miegħu. Mingħajr dan l-ewwel att ta’ fidi, ma naslux biex ikollna biżżejjed rieda biex noħolqu l-ispazju għal Alla.  Nibqgħu magħluqin fl-isfera materjali u s-sensi tagħna huma qawwijin biżżejjed fina biex ma jħallulniex il-vojt meħtieġ madwarna. L-ewwel irridu nagħmlu din l-għażla li nagħtu ħin lil Alla l-Ħallieq.

It-Tieni Għażla

It-tieni għażla hija li “Irrid inkun naf min hu dan Alla moħbi”. Irrid ikolli x-xewqa biex insir nafu. Dan ma jiġix bi sforz purament uman. Jekk it-tagħrif fuq Alla huwa spiritwali jrid ikun don spiritwali – ġej kull darba minn  Alla – u jitlob smigħ spiritwali, spazju fejn hemm vojt spiritwali. Għaliex meta nkunu morda sew jew qrib il-mewt, aħna naħsbu aktar fuq l-affarijiet spiritwali? Mhux għax ikunu naqsu fl-importanza l-affarijiet materjali u l-attenzjoni tagħna żdiedet f’dawk spiritwali? Nibdew nistaqsu aktar lilna nfusna: “Min jaf x’hemm jistenniena? Min jaf kif se jidher Alla?”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba l-biża’ u l-preokkupazzjoni tagħna, aħna nkunu lesti biex nirċievu aktar dawl u għarfien mingħand Alla l-Imbierek.

Il-Bniedem ta’ Fidi

Il-bniedem ta’ Fidi huwa dak il-bniedem li ma jistenniex iċ-ċirkustanzi bħal mard u mewt fil-qrib jipprovdulu l-ispazju biex jaħseb fuq Alla, iżda jfittex  li jħalli l-ispazji biex isir jaf lill-Mulej hu stess fil-ħajja ta’ kuljum.

Alla l-Imbierek ġabar dak kollu li kellu jgħidilna f’persuna u messaġġ aħħari: Dan għamlu f’Sidna Ġesù Kristu. Alla daħal fl-Istorja permezz ta’ Abraham, u baqa’ jmexxi l-poplu tiegħu, jimxi miegħu u jgħallmu. Sa fl-aħħar wasal fil-milja taż-żminijiet u dan it-tagħlim kollu tiegħu kellu jiġi mogħti f’Ġesù.

Il-Qofol tal-Fidi

Alla l-Imbierek tana xi doni kbar lilna l-Insara biex inkunu nistgħu nagħmlu l-mixja tal-Fidi f’Ġesù:

  • Hu kien jaf li ħadd mill-bnedmin ma kien kapaċi jmexxi bnedmin oħra. Għalhekk bagħat lil Ibnu l-Waħdieni bħala bniedem biex jurina min Hu Alla l-Missier u biex  f’kull ċirkustanza jurina kif għandna nġibu ruħna biex inkunu wlied il-Missier. Għalhekk hemm bżonn li naqraw x’għamel u x’qal Ġesù l-aktar fil-Vanġeli: inkella kif se nimxu warajh?
  • U Ġesù kien jaf kemm hu diffiċli timxi waħdek f’din it-triq u għalhekk għaqqad fi Knisja l-komunità ta’ dawk li jemmnu; komunità li qed timxi flimkien.
  • Ġesù tana wkoll l-Ewkaristija. Fil-quddiesa, wara li nkunu smajna l-Kelma, naslu biex insaħħu l-fidi tagħna permezz ta’ Ġesù Ewkaristija. Il-grazzji li nieħdu mill-quddiesa ma nistgħu neħduhom minn imkien ieħor.
Konklużjoni

Għalhekk il-Papa Benedittu qiegħed jgħidilna fi ftit kliem biex nużaw aktar u aħjar dawk iż-żewġ doni li semmejna fil-bidu: li nagħtu ħin aktar lil Alla biex jimliena bil-grazzji tiegħu; u nidħlu aktar f’dak li qalilna Ġesù fuq il-kontenut tal-Fidi. Kieku kellna ngħidu fiex jikkonsisti l-aktar il-kontribut tagħna l-bnedmin biex jikber fina dan id-don tal-fidi, konna ngħidu: “Sib ħin li fih tkun tista’ tiskot u titlob. U min-naħa l-oħra ara li tfittex dak li qalilna Ġesù fil-Kelma tiegħu”. Irridu nkunu nafuh ħalli nitkellmu fuqu; irridu nafu x’għallem għaliex irridu nimxu fuq il-passi tiegħu; irridu nimxu warajh għaliex hu t-Triq, irridu niskopru l-imħabba tiegħu.

Kulma rridu nagħtu lil Alla huwa biss il-ħin u l-attenzjoni: il-kumplament lest li  jagħtihulna hu. Din hi l-Fidi. Din hi l-ġenerożità tal-Mulej.  Il-Fidi, għax ħierġa minn Alla, ma jista’ jegħlibha xejn, jekk ngħixuha ġewwa fina.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

✠ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
✠ MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex