Għeżież tfal,
Waħda mill-karatteristiċi li għandu l-bniedem u li għandna aħna hija l-kapaċità li nisimgħu. Ħafna drabi ħafna nies ikollhom ix-xewqa li jisimgħu kelma li tagħmel sens u tgħinhom f’ħajjithom allavolja hemm xi wħud li qishom jagħlqu widnejhom biex jisimgħu l-kelma sabiħa ta’ Kristu.
Għalhekk sar importanti iktar minn qatt qabel li aħna naqsmu mal-oħrajn il-kliem ta’ Ġesù. Din hija l-missjoni tagħna bħala tfal insara.
Tiġina f’moħħna l-ġrajja ta’ meta ġabu quddiem Ġesù raġel trux u mutu. Ġesù refa’ għajnejh lejn is-sema, lissen “kelma”, billi qal “Infetaħ” u dak infetħulu widnejh u “qabad jitkellem sewwa”. Qed taraw kemm hi qawwija l-Kelma ta’ Alla? Tant hu hekk li permezz ta’ kelma waħda ta’ Ġesù sar miraklu: il-fejqan ta’ dan ir-raġel. Illum sar importanti jkollna f’qalbna u f’fommna l-kliem ta’ Ġesù. Hekk meta niġu biex nitkellmu, speċjalment ma’ dawk it-tfal li ftit jimpurtahom milli jagħmlu dak li hu tajjeb, aħna nkunu nistgħu ngħinuhom, nagħmlulhom kuraġġ u nfejquhom bil-kliem li ngħidulhom. Kliem li jkollu l-qawwa, għax inħallu lil Ġesù jitkellem permezz tagħna. U biex nagħmlu dan illum irid ikollna kuraġġ kbir.
Qabel ma lissen il-kelma li biha fetaħ widnejn dan ir-raġel u hekk għenu jitkellem sewwa, Ġesù “refa’ għajnejh lejn is-sema” biex jurina li dik li tagħti s-smigħ lit-torox u l-kelma lil dawk li huma muti hija l-Kelma li tinżel mis-sema. Din il-Kelma hija Ġesù nnifsu. Dan huwa l-Vanġelu: mhux ktieb li fih issib rakkonti tal-istorja, imma ktieb li jgħinna niskopru kemm hu sabiħ li nħallu lil Ġesù jmexxi l-ħajja tagħna llum. Il- Vanġelu jurina ċar li Alla xtaq li jkun preżenti fil-ħajja tagħna billi tana lil Ibnu Ġesù,li bil-kliem tiegħu jdawlilna l-qalb u l-moħħ tagħna.
Il-Papa Benedittu XVI talabna bil-ħerqa biex din il-missjoni tagħna li ngħinu lil tfal oħra jiltaqgħu mal-Mulej nagħmluha bil-qalb. Dan għaliex huwa Ġesù waħdu li jista’ jimla l-qalb tagħna bil-paċi tiegħu. Hekk ngħinu lil tfal oħra jsibu mill-ġdid is-sbuħija tal-fidi tagħhom li huma rċevew fil-magħmudija, u li komplew saħħewha permezz tas-sagrament tal-Ewkaristija. Uħud minn dawn it-tfal b’dispjaċir kbir ma baqgħux jagħtu każ iktar ta’ Ġesù fil-ħajja tagħhom. Huwa permezz tal-ħajja tajba tagħna u tal-kliem li ngħidulhom li nkunu qed ngħinuhom jiltaqgħu ma’ Ġesù. San Pawl jgħidilna “Ħażin għalina jekk ma nxandrux lil Kristu”.
Tant huwa importanti li aħna naqsmu mal-oħrajn din il-Kelma ta’ Ġesu, li nħeġġiġkom biex din tkun l-iktar ħaġa importanti li għandkom tagħmlu matul il-ġurnata. Kemm nieħu gost nisma’ li intom it-tfal qed issiru tafu l-Kelma ta’ Ġesù fil-lezzjonijiet tal-katekiżmu u tar-reliġjon fl-iskejjel. Għax b’hekk tkunu tistgħu taqsmu mal-oħrajn l-esperjenza tagħkom ta’ Ġesù.
Ġesù fejjaq lir-raġel trux u mutu f’post li kien jismu Dekapoli, post fejn kienu jgħixu ħafna nies li ma kinux jafu b’Alla. Dan ma żammx lil Ġesù milli jmur f’dan il-post u jitħallat ma’ dawn in-nies. Saħansitra wasal biex għamel miraklu ma’ wieħed minnhom. Flok ma ħarab minn dawn in-nies Ġesù nqeda b’dan ir-raġel trux u mutu biex ikun jista’ jitkellem magħhom. Aħna wkoll illum qed insibu ruħna fost tfal li mhumiex tal-istess twemmin tagħna. Bħal Ġesù m’għandniex niddejjqu nitħalltu magħhom bl-iskop li ngħaddulhom it-tajjeb li kontinwament nirċievu mingħand Ġesù.
Fil-ġrajja li ġa semmejna ta’ meta Ġesù fejjaq lir-raġel trux u mutu naraw li Hu ddispjaċih jarah f’dik il-kundizzjoni ta’ tbatija, fil-fatt waqaf biex ifejqu. Aħna wkoll bħal Gesù rridu nħossu għal kull persuna li narawha qed tbati. Ma nistgħux nibqgħu għadejjin u ma nagħtux kashom. Tiftakru tfal f’dik l-istorja sabiħa li qalilna Ġesù tas-Samaritan it-Tajjeb? Kif waqaf mill-vjaġġ tiegħu biex jgħin lil dak ir-raġel li kien għadu kemm qala’ xebgħa mill-ħallelin!
Però f’dan kollu li qed ngħidu tidher ċara l-importanza li rridu nwasslu lil Ġesù lill-oħrajn. Imma dan żgur mhux se jirnexxilna nagħmluh jekk ma ngħinux lilna nfusna biex insaħħu lil Ġesù ġewwa fina billi: nisimgħu bil-qalb il-Kelma tiegħu, infittxu l-okkażjonijiet li fihom nitkellmu ma’ Ġesù fil-ħin tat-talb, niltaqgħu ma’ Ġesù fis-sagramenti u ngħinu lilna nfusna naraw lil Ġesù fil-proxxmu tagħna. Dawn l-affarijiet jgħinuna biex dejjem insiru aħjar. U hekk meta nersqu lejn tfal oħra nkunu tassew nistgħu ngħinuhom, għax ikollna t-tajjeb f’qalbna u ngħadduh lilhom.
Tfal tafu li llum bdejna dan iż-żmien tal-Avvent li huwa żmien ta’ preparazzjoni li jwassalna għall-festa sabiħa tal-Milied. Fil-Milied niftakru fil-mument li fih l-Iben ta’ Alla, li Hu nnifsu huwa l-Kelma ta’ Alla, sar bniedem bħalna u għex fostna. Inħeġġeġ lilkom tfal biex dan il-Milied nilqgħu tassew lil Ġesu fil-qalb tagħna bħalma għamlet Marija. Ejjew tfal nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jagħtina l-kuraġġ biex inwasslu lil Ġesù lill-oħrajn għax permezz tiegħu aħna għandna l-qawwa li nagħtu s-smigħ lit-torox u l-kelma lill-muti.
Tfal nafdakom f’idejn Alla u l-Kelma tiegħu li għandha l-qawwa li tibnikom u tgħinkom biex tkunu tassew insara li qed tgħixu l-fidi li rċevejtu fil-magħmudija tagħkom.
Għeżież tfal nagħtikom il-Barka Pastorali tiegħi biex tkunu tistgħu twassluha wkoll lill-familji tagħkom.
✠ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta