L-Għożża tal-Ħajja

Hija ħaġa tassew pożittiva li fil-pajjiż hawn dibattitu dwar kif numru ta’ koppji jistgħu jindirizzaw id-diffikultà tal-infertilità. Din hija xhieda ta’ kemm ngħożżu l-ħajja umana. Dan napprezzawh aktar meta naraw li qed ngħixu fi żmien fejn kemm fl-Ewropa kif ukoll f’Malta, parti sewwa tas-soċjeta’ hija xħiħa mal-ħajja fis-sens li r-rata tat-twelid hija baxxa.[1] Huwa ta’ gieh għas-soċjetà tagħna li hawn dan l-entużjażmu favur il-ħajja umana, speċjalment minn dawn il-koppji li jagħmlu ħafna sagrifiċċji kbar.

Fil-qafas soċjali li qegħdin ngħixu llum, nixtiequ nagħmluha ċara li aħna l-Isqfijiet qegħdin nindirizzaw din l-Ittra Pastorali primarjament lill-komunità Kattolika f’pajjiżna, kif ukoll lil dawk ħutna Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba li ġenwinament għandhom interess fit-tagħlim tagħna l-Kattoliċi.[2] Huwa dmir tagħna bħala ragħajja spiritwali ta’ din il-komunità li ngħinu lill-Kattolici (l-ewwelnett lil dawk il-koppji miżżewġa li għaddejjin mid-diffikultà tal-infertilità, kif ukoll lil-persuni li huma impenjati fl-oqsma tax-xjenza, tal-politika u tal-liġi), sabiex jiffurmaw il-kuxjenza tagħhom tajjeb dwar suġġett daqshekk qaddis u fundamentali bħalma huwa l-ħajja umana.

Huwa normali li meta koppja tiżżewweġ tkun tixtieq li jkollha l-ulied. Spiss jiġri li meta titfaċċa d-diffikultà tal-infertilità, dawn iħossu falliment fil-ħajja tagħhom! Id-dispjaċir joktor jekk din il-kundizzjoni tkun konsegwenza ta’ xi għażliet li l-koppja tkun għamlet qabel.

Aħna l-Isqfijiet inħossu ħafna ma’ dawn il-koppji, u rridu nfakkruhom illi l-fatt li ma għandhomx ulied ma jfissirx li l-missjoni tagħhom bħala miżżewġin falliet. Ilkoll nafu b’koppji li, għalkemm baqgħu mingħajr ulied, xorta swew ta’ ħafna ġid f’oqsma oħra ta’ ħajjithom. B’danakollu, nafu li dan il-fatt ma jsolvix ix-xewqa kbira ta’ dawn il-koppji u l-ġibda qawwija fihom li jaqsmu l-imħabba tagħhom billi jsiru ġenituri. Għalhekk nagħmlu sejħa lin-nies tax-xjenza biex ikomplu jistudjaw u jfittxu soluzzjonijiet li huma etikament u moralment tajba ħalli dawn il-miżżewwġin ikunu jistgħu jissodisfaw ix-xewqa leġittima tagħhom li jsiru ġenituri. B’din is-sejħa tagħna, qegħdin intennu l-istedina li, ftit xhur ilu, il-Qdusija Tiegħu il-Papa Benedittu XVI għamel lix-xjenzati miġbura biex jiddiskutu l-kawżi u l-kura tal-infertilita’.  Waqt li faħħar l-onestà intellettwali tax-xjenzati li twassal għall-verita’, ħass il-ħtieġa wkoll li josserva li “x-xjentiżmu u l-loġika tal-profitt qegħdin jiddominaw il-qasam tal-infertilità u tat-tnissil uman, b’tali mod li dawn jaslu biex ifixklu ħafna oqsma oħra ta’ riċerka”.[3]

Il-Knisja tgħid IVA għall-Ħajja

Il-Knisja hija l-aktar istituzzjoni fid-dinja li hija favur il-ħajja. Tisħaq li dan il-valur tal-ħajja umana ma jistax ikun mittiefes, tiddefendih sa mill-bidunett tat-tnissil u dejjem ħadmet għall-għarfien tad-dinjità unika tal-ħajja umana. Hekk irid Alla, li huwa waħdu s-Sid tal-ħajja. Il-Knisja tagħraf li l-ħajja umana mhix xi “prodott” li jista’ jiġi maħdum, imfassal, użat jew skartat.[4] Il-Knisja tgħallem li ħadd ma jista’ “juża’” l-bniedem, hu x’inhu l-istadju ta’ żvilupp tiegħu, sa mill-ewwel mument tal-eżistenza sal-mewt naturali tiegħu, u hi x’inhi l-kundizzjoni tiegħu. Jekk jitwarrab dan ir-rispett fundamentali, ix-xjenza ssir l-għadu tal-bniedem. Konxja mid-dmir tagħha li tiddefendi liż-żgħir u tagħti vuċi lil minn m’għandux, il-Knisja ttenni bil-qawwa l-iva tagħha għall-ħajja, u dan l-aktar meta l-ħajja hija dgħajfa, bħal fil-każ ta’ meta l-bniedem ikun fl-istadji bikrija tal-iżvillupp tiegħu.

Hu f’dan il-kuntest li l-Knisja, fid-dawl tal-verità magħrufa mir-raġuni naturali u msaħħa bir-Rivelazzjoni, dejjem ħeġġet għall-approfondiment tax-xjenza għas-servizz awtentiku tal-bniedem. Dan l-approfondiment tax-xjenza jrid isir fil-limiti li jassiguraw ir-rispett fundamentali lejn l-istess bniedem, inkella x-xjenza ssir l-għadu tal-bniedem.

Il-Knisja dejjem għallmet li l-veru servizz lejn il-bniedem u l-veru ħarsien u promozzjoni tad-dinjità tiegħu qatt ma jistgħu jseħħu jekk mhux fid-dawl tal-verità fuq l-istess bniedem. Dan ifissru tajjeb ħafna l-Papa Benedittu XVI fl-enċiklika tiegħu Caritas in Veritate. Infatti, il-Knisja dejjem ħadet l-inizjattivi tagħha ta’ mħabba (Caritas) għas-servizz tal-bniedem, fid-dawl tal-verità dwar il-bniedem. Il-karità u l-verità jmorru flimkien, u hi l-Verità li tassigura l-karità awtentika.

Il-Knisja Kattolika għandha d-dritt u d-dmir li tesprimi ġudizzju morali fuq ir-riċerka u fuq metodi tekniċi fir-rigward tat-tnissil tal-bniedem. B’dan, il-Knisja ma tkunx qed tindaħal fejn ma jesagħhiex fil-qasam mediku, għax il-Knisja għandha d-dritt u d-dmir li tissensibilizza lil kulħadd għar-responsabilità etika u soċjali ta’ kull azzjoni li tittieħed fir-rigward tal-bniedem.

Il-Verità tħares il-Ħajja

X’inhi l-verità etika dwar il-fertilizzazzjoni in vitro (IVF) li, b’imħabba lejn il-bniedem, il-Knisja Kattolika, flimkien ma’ kull membru fi ħdanha, għandha d-dritt u d-dmir li xxandar bħala parti mill-missjoni tagħha?

Skont it-tagħlim tal-Knisja, il-metodi mediċi li jistgħu jintużaw għall-kura tal-infertilità għandhom ikunu mibnija fuq ir-rispett ta’ dawn it-tliet valuri fundamentali:

a. Il-valur tal-ħajja u l-integrità fiżika ta’ kull bniedem. Dan irid ikun imħares mill-ewwel mument tat-tnissil sal-mewt naturali tal-persuna umana, u l-aktar, meta l-persuna tkun f’qagħda ta’ dgħufija.  Kull diskriminazzjoni minħabba l-istadji differenti tal-ħajja mhix ġustifikata, bħal kull diskriminazzjoni oħra.[5] Mat-tnissil “tibda ħajja ġdida li la hija tal-missier u lanqas ma hi tal-omm; hija l-ħajja ta’ esseri uman ġdid li ser jikber. Ma kienx ser isir uman kieku ma kienx uman dejjem”.[6] Dan il-valur importanti, ftit xhur ilu, kien ukoll rikonoxxut fil-qasam ċivili, jiġifieri li l-ħajja umana trid tkun imħarsa sa mill-bidunett tal-konċepiment (embrijuni).[7]

b. Il-valur tal-unità taż-żwieġ. Din l-unita’ tintwera wkoll fir-rispett tal-miżżewġin lejn xulxin, li jagħrfu li għandhom id-dritt li fiż-żwieg jaġixxu flimkien biex isiru ġenituri.  Ir-raġel u l-mara miżżewġa, permezz tal-għotja ta’ mħabba lil xulxin, jipperfezzjonaw lilhom infushom meta jikkoperaw mal-Ħallieq fit-tnissil u fit-trobbija tal-ulied. Għalhekk, meta koppja taċċetta li fil-proċess tal-fertilizzazjoni artificjali ikun hemm is-sehem ta’ persuna oħra, dan ikun qed ikisser l-unità taż-żwieġ, il-fedeltà tal-miżżewġin, kif ukoll id-dritt tal-koppja miżżewġa li jsiru ġenituri esklussivament bil-koperazzjoni ta’ xulxin.

ċ. Il-valur tas-sesswalità umana fiż-żwieġ. It-tnissil ta’ persuna umana għandu jkun riżultat tal-għotja ta’ mħabba tal-miżżewġin lejn xulxin. Din l-għotja tintwera fis-sesswalita’ ta’ bejniethom fejn ir-raġel u l-mara jsiru “ġisem wieħed”. Għalhekk skont dan il-valur, it-tnissil ta’ persuna umana ma jistax ikun att bijoloġiku biss. L-anqas ma jista jkun proċess tekniku li jipproduċi embrijuni qisu qed jipproduċi oġġett. Ir-rigal tal-ħajja umana għandu jiġi milqugħ fiż-żwieġ, l-ambjent awtentiku u naturali fejn titnissel il-ħajja, b’atti personali, esklussivi u speċifiċi tar-raġel u l-mara miżżewġin.  Huwa għalhekk li l-Knisja tgħallem li “għandu jkun hemm għaqda inseparabbli bejn iż-żewġ għanijiet tal-att konjugali, l-għan unittiv u dak prokreattiv. Din l-għaqda li jridha Alla nnifsu u ma jistax jiksirha l-bniedem b’inizjattiva tiegħu.”[8]

Għaldaqstant, kull metodu tekniku li jieħu post l-att konjuġali personali ma jkunx jirrispetta d-dinjità tal-persuna umana u tal-unità taż-żwieġ, u għalhekk ma jistax jiġi aċċettat. Mill-banda l-oħra, jistgħu jkunu aċċettati dawk il-metodi tekniċi li jgħinu l-att konjugali personali biex dan jilħaq l-skop li titnissel ħajja umana.[9]

Il-Ligi Naturali tħares il-Ħajja

Il-metodu IVF jitlob li jinħolqu numru ta’ embrijuni bil-għan li titwieled it-tarbija mixtieqa. Ukoll jekk uħud minn dawk l-embrijuni ma jinqatlux deliberatament, imma jmutu mewta “naturali” ftit wara li jitnisslu, jibqa’ l-fatt li diversi embrijuni qegħdin jiġu ssagrifikati u strumentalizzati biex titwieled tarbija. Kemm din il-proċedura, kif ukoll il-mod kif l-embrijuni umani ikunu wżati biex minn fosthom titwieled tarbija jikkonferma, li dan il- proċess fih innifsu imur kontra d-dinjità tal-bniedem. Kollox juri li l-metodi tal-fertilizzazzjoni in vitro, li għall-ewwel jidhru li huma għas-servizz tal-ħajja, attwalment u fil-fatt joħolqu theddida għall-ħajja umana.

Għal dak il-bniedem fi stat embrijunali mnissel bl-IVF li jibqa’ żejjed għax ma jiġix imqiegħed fil-ġuf t’ommu, xi drabi x-xjenza tagħżel li tiffriżah (cryo-preservation). Il-Knisja tagħmilha ċara li qatt ma tikkunsidra l-iffriżar tal-embrijuni bħala xi għażla jew soluzzjoni tajba. Id-Dokument Donum Vitae, li semmejna diġa, jgħid ċar u tond li “l-iffriżar tal-embrijuni, ukoll meta magħmul sabiex tiġi ppreservata l-ħajja tal-embrijun, huwa offiża kontra r-rispett mistħoqq lill-persuni umani, minħabba li l-embrijuni jitqiegħdu f’perikli kbar ta’ mewt jew ta’ ħsara lill-integrità fiżika tagħhom, u ċċaħħadhom, għall-inqas għal xi żmien, mill-wens tal-omm. B’hekk jitqiegħdu f’sitwazzjonijiet fejn jista’ jkun hemm offiżi oħrajn u anke manipulazzjoni tagħhom”.[10]

Il-ġenituri qatt ma jistgħu jagħtu l-kunsens li wliedhom jitqiegħdu fil-freezer, għax b’hekk ikunu qed ifarfru r-responsabilità tagħhom bħala ġenituri. Min-naħa l-oħra, jekk il-”wild” jitqiegħed fil-freezer mingħajr il-kunsens tal-ġenituri tiegħu jew tagħha, dawn ikunu qed jinsterqu mir-responsabilità tagħhom ta’ ġenituri. Bl-iffriżar ta’ dawn l-“ulied”, il-bniedem qed jivvinta orfanatrofji ġodda. Barra minn hekk, il-futur ta’ dawn il-bnedmin fil-freezer huwa mċajpar immens. L-embrijun, ukoll waqt li jkun iffrizat, xorta jgawdi drittijiet naturali li ma jistgħux jitteħdulu. Soċjetà demokratika hi fid-dmir li tara li l-liġijiet li jiddefenduhom huma osservati.

Xi wħud jippruvaw inaqqsu dawn il-perikli għall-embrijuni ffriżati billi jsemmu l-possibbilta’ li dawn l-embrijuni li ma jkunux tqegħdu fil-ġuf tal-omm, jingħataw għall-adozzjoni. Imma din il-possibbilta’ mhux biss fiha kumplikazzjonijiet mediċi, psikoloġiċi u legali serji, imma tiftaħ problemi etiċi ikbar.

Il-process imsejjaħ IVF jinvolvi metodi li xi drabi jikkunsidraw l-bniedem li jkun għadu fi stat ta’ embrijun bħala sempliċi “massa ta’ ċelluli” li wieħed jista’ jużahom, jagħżel minnhom u wkoll iwarrabhom. Ħafna drabi numru mhux żgħir ta’ embrijuni umani huma ssagrifikati bi pjan, sabiex tkun tista’ titwieled it-tarbija mixtieqa. F’dawn il-prattiċi ta’ fertilizzazzjoni in vitro jidher ċar li għandna l-qerda ppjanata u diretta tal-ħajja umana innoċenti. Il-Maġisteru tal-Knisja dejjem jiġġudika din il-qerda ta’ embrijuni bħala abortiva. Il-Beatu Ġwanni Pawlu II jgħallimna li “l-abort  prokurat huwa l-qtil apposta u dirett, b’kull tip ta’ mezz li dan isir, tal-bniedem fil-bidu tal-eżistenza tiegħu jew tagħha, mill-mument tat-tnissil sat-twelid”.[11]

Għalhekk dawn il-prattiċi li semmejna ma jistgħux ikunu moralment iġġustifikati bl-ebda mod u taħt l-ebda ċirkostanza. Qatt ma hu moralment permess li sabiex jintlaħaq xi għan tajjeb (f’dan il-każ, it-tnissil u t-twelid ta’ tarbija mixtieq) issir azzjoni li minnha nfisha hi ħażina (il-qerda ta’ numru ta’ embrijuni oħra). Huwa prinċipju morali magħruf li l-iskop ma jiġġustifikax il-mezzi.

Il-ħajja umana għandha tkun imħarsa u promossa fl-integrità tagħha sa mill-ewwel mument tat-tnissil. Dan l-obbligu joħroġ mid-dinjità tal-bniedem li hija l-pedament tad-drittijiet umani. Għalhekk huwa obbligu li joħroġ mid-dritt naturali. Kull bniedem għax hu persuna, għandu dinjità li għandha tkun rikonoxxuta u rispettata mill-oħrajn. Għalhekk, liġi ċivili tkun ġusta jew inġusta mhux jekk tkun taqbel jew ma taqbilx ma’ kodiċi etiku reliġjuż, imma jekk tkunx konformi ma’ kodiċi etiku uman. Dan il-kodiċi etiku uman, imsejjaħ ukoll liġi naturali, la jiddependi mill-leġiżlazzjoni pożittiva tal-parlament, u wisq inqas ma jista’ jiġi mittiefes jew mwarrab minn xi maġġoranza parlamentari.

Leġislazzjoni dwar il-prokreazzjoni assistita.

Huwa fatt magħruf li f’pajjiżna, l-IVF hija prattika mifruxa mhux ħażin. Għadu kif kien irrapurtat li f’dawn l-aħħar 22 sena, 750 mara ħarġu tqal permezz ta’ dan il-metodu. Huwa fatt magħruf ukoll li l-qagħda fejn m’hemm l-ebda liġi ċivili li tirregola din il-prattika, id-diżordni jaf ikun kbir. Fid-dawl ta’ dak li għidna aktar ‘il fuq, il-liġi ċivili dwar il-prokreazzjoni assistita għandha timmira li tħares it-tliet valuri li semmejna, jiġifieri il-valur tal-ħajja u l-integrità fiżika ta’ kull bniedem; il-valur tal-unità taż-żwieġ u il-valur tas-sesswalità umana fiż-żwieġ.

Liġi li ma tħarisx dawn il-valuri hija liġi moralment ħażina. Il-gravità etika ta’ liġi li ma tirrispettax dawn il-valuri tista’ jkollha gradi differenti. Għalhekk il-bnedmin ta’ rieda tajba, li għandhom il-mandat li jilleġislaw, għandhom dmir fil-kuxjenza li jippruvaw jilħqu l-aqwa ġid possibbli jew kemm jista’ jkun, inaqqsu l-ħsara.

Solidarjetà ma’ koppji li jixtiequ jilqgħu l-ħajja

Għaldaqstant il-Knisja, għax hi profondament solidali ma’ koppji li jgħaddu minn sitwazzjoni ta’ infertilità, tixtieq u trid li x-xjenza tkompli tiżviluppa u toffri dawk il-metodi tekniċi li, bla ma jissostitwixxu l-att konjugali, effettivament jgħinu l-fertilità potenzjali tal-koppja. Il-Knisja tawgura li s-sitwazzjoni ta’ infertilità, li ħafna drabi hi tqila għall-istess koppji, ma twassalx għal possibilità ta’ sfruttar psikoloġiku u finanzjarju tal-istess koppja.

Il-Knisja mhux biss tawgura iżda hija impenjata b’diversi modi sabiex koppji li jkunu għaddejja minn sitwazzjonijiet simili jkunu tassew mgħejjuna u mdawwla dwar in-natura reali tal-kundizzjoni tagħhom. L-ewwel nett sabiex jiġu megħluba tentazzjonijet għal soluzzjonijiet “faċli” peress li jidhru teknikament possibbli. Dawn is-soluzzjonijiet mhux biss huma moralment ħżiena, imma wkoll riskjużi u ta’ dannu għas-saħħa fiżika u mentali tal-koppja, u speċjalment tal-mara. It-tieni sabiex jittieħdu inizjattivi li huma moralment tajba, u li għalhekk jassiguraw ir-rispett sħiħ lejn is-sħuħija tal-koppja u lejn il-ħajja umana. Ikun ħafna ta’ siwi jekk isiru studji xjentifiċi serji dwar il-kawżi u l-prevenzjoni tal-infertilità.

Għalhekk il-Knisja tappella għall-obbligu ta’ formazzjoni awtentika Nisranija, u għalhekk umana, tal-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna fid-dawl tal-prinċipji tal-Liġi naturali fuq imsemmija u tal-Maġisteru tagħha. Kuxjenza morali korrettament iffurmata titlob li f’kull okkażjoni l-Kattoliċi jagħtu xhieda tal-Verità fl-Imħabba, dik l-imħabba li hi awtentikata mill-istess Verità.

F’dan il-kuntest inħossu li għandna nsellmu lil dawk il-koppji miżżewġa li għelbu d-diffikultà tal-infertilità billi adottaw jew aċċettaw li jkunu foster parents. Il-ġenerożità ta’ dawn il-koppji hija tassew eżemplari u ta’ min ifaħħarha. Dawn il-koppji joffru tama mhux biss lill-ulied li jilqgħu u li jrabbu b’għożża, imma wkoll lil dawk il-koppji simili li jixtiequ li jisbaħ jum ġdid għalihom.

Dawk it-tfal li twieldu mill-metodi tal-IVF, anke jekk il-proċedura li biha tnisslu tmur kontra d-dinjità tal-bniedem, xorta huma l-għożża tagħna għax jibqgħu don t’Alla. Lill-ġenituri ta’ dawn it-tfal nagħmlulhom kuraġġ biex jafdaw fil-Ħniena t’Alla u jfittxu t-triq tar-rikonċiljazzjoni magħhom infushom u mas-sejħa u l-missjoni tagħhom ta’ ġenituri.

Nitolbu l-barka t’Alla fuq il-miżżewġin u l-familji kollha ta’ pajjiżna u fuq dawk kollha li jgħożżu l-ħajja umana.

Illum, 26 ta’ Lulju 2012, tifkira ta’ San Ġwakkin u Sant’Anna.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
+Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

.

Agħfas hawn biex taqra din l-Ittra Pastorali f’PDF.

.

[1] Fil-pajiżi tal-U.E.  ir-rata tat-twelid hija 1.59, ftit aktar minn għaxar snin ilu, imma f’Malta, niżlet minn 1.77 fl-1999 għal 1.38 fl-2010. Ara Eurostat, http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/table.do?tab=table&init=1&language=en&pcode=tsdde220&plugin=0.

[2] Kemm aħna, kif ukoll l-Isqfijiet ta’ qabilna, drabi oħra ħassejna l-ħtieġa li naqsmu magħkom it-tagħlim tal-Knisja u r-riflessjoni tagħna fuq dan is-suġġett delikat. Eċċ.zi Rev.mi Ġużeppi Mercieca u Nikol Cauchi, Stqarrija dwar “l-Inseminazzjoni Artifiċjali”, 26 ta’ Lulju, 1995; ibid., Stqarrija dwar “Il-Problemi Etiċi tat-Teknika għall-Riproduzzjoni Assista”, 4 ta’ Frar, 2005; ibid., Stqarrija dwar “Il-Ħarsien tal-Ħajja tal-Bniedem mill-Bidu nett tagħha”, 1 ta’ Lulju, 2005; Eċċ.za Rev.ma Mons. Ġużeppi Mericieca, “Id-Dinjita’ u l-Integrita’ tal-Ħajja Umani”, 21 ta’ Settembru, 2005; Eċċ.zi Rev.mi Pawl Cremona u Mario Grech, Ittra Pastorali għall-Avvent 2010, “Il-Presepju fil-Familji Tagħna”, 27 ta’ Novembru, 2011;  Eċċ.za Rev.ma Mons. Mario Grech, “Id-Dulur tal-Miżżewġin li ma jistax ikollhom Tfal”, 30 ta’ Marzu, 2012.

[3] Benedittu XVI, Indirizz lill-Assemblea Ġenerali tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, 25 ta’ Frar 2012, http://www.vatican.va/holy_father/benedict_xvi/speeches/2012/february/documents/hf_ben-xvi_spe_20120225_acdlife_en.html.

[4] Ibid. par. 5.

[5] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni dwar l-Abort Prokurat, 18 ta’ Novembru, 1974 par. 12.

[6] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Donum Vitae, Istruzzjoni fuq ir-Rispett lejn il-Ħajja Umana fil-Bidu tagħha u fuq id-Dinjita’ tal-Prokreazzjoni; Tweġibiet għal xi Mistoqsijet tal-lum, 22 ta’ Frar, 1987, par. I.1 li jikkwota d-Dikjarazzjoni dwar l-Abort Prokurat tal-istess Kongregazzjoni, 18 ta’ Novembru, 1974 par. 12.

[7] Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, Oliver Brustle vs Greenpeace, 18 ta’ Ottubru, 2011 iddeċidiet li l-embrijun jixraqlu r-rispett skont id-dinjita’ umana.

[8] Papa Pawlu VI, Ittra Enċiklika Humanae Vitae, 25 ta’ Lulju, 1968 par. 12. Dan it-tagħlim huwa ripetut mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Donum Vitae, Istruzzjoni fuq ir-Rispett lejn il-Ħajja Umana fil-Bidu tafħha u fuq id-Dinjita’ tal-Prokreazzjoni; Tweġibiet għal xi Mistoqsijiet tal-lum 22 ta’ Frar 1987, par. IIB4a).

[9] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Dignitas Personae, Istruzzjoni fuq Sitwazzjonijiet Bioetiċi, 8 ta’ Settembru, 2008, par. 12.

[10] Donum Vitae, par. 6.

[11] Ġwanni Pawlu II: Ittra Enċiklika Evangelium Vitae, 25 ta’ Marzu 1995, par.58