Fl-okkażjoni tal-ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara
Kull sena, bejn it-18 ta’ Jannar u l-25 ta’ Jannar, Festa tal-Konverżjoni tal-Appostlu tal-ġnus, San Pawl, issir ġimgħa ta’ talb intensiv mill-insara biex jingħelbu l-firdiet bejn il-Knejjes u d-denominazzjonijiet insara differenti. Sfortunatament, tul il-medda tas-sekli, il-Knisja għaddiet minn bosta firdiet. Biżżejjed insemmu l-firda tal-Ortodossi fis-Seklu ħdax, u aktar tard, il-firda tal-Protestanti, fis-Seklu Sittax.
L-għan ta’ dan it-talb huwa li nitolbu biex il-ħidma ekumenika li ssir mill-Insara t]alli frott li jidher. Matul din il-ġimgħa, u drabi o]ra matul is-sena kollha, ħafna huma l-Insara li jinġabru flimkien sabiex jitolbu għall-għaqda. Ġesu’ stess, lejlet il-Passjoni tiegħu, talab bil-ħerqa lill-Missier: “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ġa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” ({w 17,21).
It-tema li ntgħażlet għal din is-sena, 2010, mill-Vatikan u mill-World Council of Churches hija l-kliem ta’ Kristu Rxoxt lill-Appostli fiċ-ċenaklu, kliem li nsibuh fl-Evanġelju skont San Luqa: “Intom xhud ta’ dan” (Lq 24,48). Meta napplikaw dan il-kliem għall-iskop tat-talb li qed isir matul din il-ġimgħa ekumenika, malajr nintebħu li l-Mulej Ġesu’ jrid li aħna l-Insara – kemm jekk Kattoliċi, kemm jekk Ortodossi, jew Anglikani, jew Luterani, jew oħrajn – nagħmlu minn kollox biex nersqu aktar lejn xulxin, u biex flimkien nagħtu xhieda tal-A]bar it-Tajba li ġabilna Kristu bit-tagħlim u l-mirakli tiegħu, kif ukoll bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.
L-appell tiegħi lil kulħadd, saċerdoti, reliġjużi u lajċi – kif ukoll lil dawk li huma membri ta’ Knejjes u denominazzjonijiet oħra – hu li matul din il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda nitolbu bil-ħerqa u nagħmlu wkoll xi sagrifiċċju skont din l-intenzjoni. Ejjew nemmnu li xi frott ikun hemm!
Dun Hector Scerri
President tal-Kummissjoni Ekumenika
tal-Arċidjoċesi ta’ Malta