Nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Lulu, 2010, il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ ppreżentat lill-Isqof Mario Grech b’tifkira taż-żjara tal-Papa Benedittu XVI f’Malta. Il-preżentazzjoni saret waqt laqgħa bejn il-KDŻ Malta u l-KDŻ Għawdex fil-Kurja tal-Isqof ta’ Għawdex.  It-tifkira, replika tal-istess pittura li ż-żgħażagħ irregalaw lill-Papa, timmarka l-kollaborazzjoni mill-qrib li saret bejn iż-żewġ Kummissjonijiet fit-tħejjiet għal din il-miġja.

Waqt il-laqgħa, iż-żewġ kummissjonijiet,  ħadu l-opportunità li jistiednu lill-Isqof Grech biex jieħu sehem fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid, is-sena d-dieħla. Mijiet ta’ Maltin u Għawdxin huma diġà mistennija li jipparteċipaw f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet fi Spanja fejn żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha se jqattgħu ġimgħatejn flimkien fil-preżenza tal-Papa.

Iż-żjara tal-Papa f’April li għadda qanqlet moviment u entużjasmu ġdid fost ħafna żgħażagħ Maltin u Ghawdxin, li issa qiegħdin iħarsu bi stennija lejn il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Awwissu 2011. Fl-aħħar edizzjoni, li saret f’Sydney fl-2008, iż-żgħażagħ ta’ Malta u Għawdex kienu akkumpanjati mill-Arċisqof Pawl Cremona.

Il-Kummissjonijiet taż-żewġ Djoċesi esprimew l-intenzjoni li jkomplu jaħdmu flimkien fil-ko-ordinazzjoni tal-mixja lejn il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li se tkun qiegħda tittratta t-tema tal-fidi fir-relazzjoni ma’ Kristu. Fuq xewqa ta’ diversi żgħażagħ, ir-rapreżentanti taż-żewġ Kummissjonijiet qiegħdin jagħmlu kuntatti ma’ Spanja biex artisti Maltin u Ghawdxin ikunu jistgħu jesebixxu l-produzzjonijiet tagħhom waqt il-ġimgħatejn tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.