Pope in Lebanon

Il-Papa Benedittu XVI għalaq iż-żjara tiegħu fil-Libanu lbieraħ b’messaġġ ta’ ringrazzjament għall-mod li bih ħassu milqugħ u qal li jittama li din iż-żjara ma tkunx l-uniku waħda, imma jirritorna.

Iż-żjara tal-Papa fil-Libanu bejn il-Ġiumgħa u l-Ħadd kienet tinkludi laqgħat mal-mexxejja politiċi u dawk reliġjużi, kif ukoll maż-żgħażagħ. L-għan ewlieni taż-żjara kien pero l-iffirmar tal-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali dwar il-Lvant Nofsani, wara s-sinodu tal-2010.

Għat-tħassib li kien hemm min wera minħabba li dik li ssejħet ‘biża ta’ nuqqas ta’ sigurta’, il-Papa qal lill-ġurnalisti li qatt ma ħaseb fil-possibilita li jħassar iż-żjara.

Fl-ajruport qabel ħalla l-Libanu, Benedittu XVI qal li “f’daż-żmien diffiċli, id-dinja Għarbija u d-dinja kollha kemm hi kellhom iċ-ċans jaraw lill-iNsara u lill-Musulmani uniti fiċ-ċelebrazzjoni tal-paċi”.

Huwa radd ħajr lill-Musulmani li ħadu sehem u għamlu ż-żjara tiegħu suċċess.

Il-Papa mill-ġdid saħaq dwar ir-rwol speċjali tal-Libanu fi Lvant Nofsani, bix-xiehda lis-segwaċi ta’ diversi reliġjonijiet li iva, jistgħu jgħixu fil-paċi flimkien. “Jalla l-Libanu llum, bl-abitanti fih, ikun santwarju ta’ Alla u jkompli jkun post fejn il-popli jgħixu fil-paċi bejniethom sabiex mhux biss jagħtu lid-dinja xiehda tal-preżenza t’Alla (tema ewlenija tas-Sinodu) imma anki xiehda tal-istess għaqda bejn il-popli (it-tieni tema tas-Sinodu), irrispettivament mit-twemmin politiku, soċjali u reliġjuż tagħhom”.

Il-Papa temm jappella lil-Libanu biex jissokta fi triqtu “jiffortifika l-komunjoni bejn l-abitanti fil-pajjiż, hi x’inhi l-komunita u r-reliġjon li jħaddnu. Jirrifjuta fl-istess waqt dak kollu li jkun qed iwassal għat-twaqqif tal-unita u b’diterminazzjoni jagħżel il-fraternita”.