Brazil's flag

Ftehim iffirmat mis-Santa Sede u l-Brażil daħal fis-seħħ b’ċerimonja ta’ ratifika formali fil-Vatikan. Il-ftehim iffirmat fit-13 ta’ Novembru 2008 “jikkonsolida iktar ir-rabtiet tradizzjonali ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni li jeżistu bejn iż-żewġ naħat”, qal komunikat tas-Santa Sede.

Il-ftehim għandu preambolu u għoxrin artiklu, li jirregolaw l-istatus ġuridiku tal-Knisja Kattolika fil-Brażil, ir-rikonoxximent ta’ degrees, l-edukazzjoni reliġjuża fl-iskejjel pubbliċi u ż-żwieġ kanoniku fost ħwejjeġ oħra.

L-Arċisqof Dominique Mamberti, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan għar-relazzjonijiet mal-Istati differenti, irrappreżenta lis-Santa Sede; l-Ambaxxatur Luiz Felipe de Seixas Correa irrappreżenta l-Brażil. Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Kardinal Claudio Hummes, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kleru.

Il-ftehim jipprovdi għall-edukazzjoni reliġjuża fl-iskejjel pubbliċi, jeżenta istituzzjonijiet reliġjużi mill-ħlas tat-taxxi, u jirrikonoxxi deċiżjonijiet ekkleżjastiċi fi kwistjonijiet ta’ żwieġ; jirrikonoxxi wkoll titli ekkleżjastiċi akkademiċi. Fl-1991, l-episkopat Brażiljan issuġġerixxa l-ħtieġa ta’ tali ftehim internazzjonali bejn il-Knisja u l-Istat. Negozjati bejn il-gvern u s-Santa Sede bdew uffiċjalment fl-2006. Il-ftehim kien iffirmat is-sena d-dieħla waqt żjara tal-President Brażiljan Lula da Silva fil-Vatikan.