L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Żgur li ħafna minna hawnhekk niftakru l-ġurnata tal-ewwel tqarbina. Jien niftakarha sew, kif konna nġbarna flimkien, numru kbir ta’ tfal, u mxejna mill-Museum sal-Knisja. Niftakar il-preparazzjoni għal dan il-jum kbir, u speċjalment il-ferħ li ħassejt, u miegħi l-familja kollha. Jien ċert li din hi l-esperjenza ta’ ħafna minna hawnhekk fl-ewwel tqarbina.

Nixtieqkom tirriflettu dwar dan: x’differenza hemm bejn l-ewwel tqarbina, għal ħafna minna tant snin ilu, u t-tqarbina tal-lum f’din il-quddiesa? Kienet okkażjoni aqwa dakinhar? Proprjament, ħlief id-differenza ta’ snin li għaddew – fil-każ tiegħi ftit iktar minn 50 sena u hawn min qiegħed hawnhekk u għaddew 80 minn dakinhar – ma hemm ebda differenza. Ġesù li rċevejt dakinhar hu Ġesù li nirċievi llum. L-okkażjoni hekk kbira ta’ dakinhar tibqa’ okkażjoni kbira kull darba li nirċievu lil Ġesù fina.

Fil-fatt jgħodd ħafna l-parir li kien ingħata lil saċerdot snin ilu, u li Madre Tereża rrepetietu b’enfasi: iċċelebra l-quddiesa llum daqslikieku kienet l-ewwel quddiesa, daqslikieku kienet l-aħħar quddiesa li se tiċċelebra, daqslikieku kienet l-unika quddiesa li qed tiċċelebra. U dan jgħodd mhux biss għas-saċerdot, imma għal kull wieħed u waħda minna, tant hi importanti ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

Preżenza reali

Għalhekk tiġi din il-festa tal-lum li niċċelebraw bil-ferħ, is-solennità ta’ Corpus Christi, li għandha l-iskop li tfakkarna u tgħinna napprezzaw l-Ewkaristija, fejn għandna realment il-ġisem u d-demm imqaddes ta’ Kristu. Hi preżenza reali – l-Ewkaristija mhijiex simbolu bħalma jkollok bandiera ta’ nazzjon, jew badge. Hi l-preżenza reali ta’ Kristu. Hi l-preżenza l-iktar importanti meta niġu l-knisja – aqwa minn kull statwa, jew pittura, għandha kemm għandha valur.

Kultant ma napprezzawx dan, u ma nifhmux dak li kienu jifhmu l-ewwel Insara: li l-Ewkaristija hi essenzjali għall-ħajja tagħna bħala Nsara. Jekk xi ħadd iħoss li jgħaddi mingħajrha, għadu ma fehemx x’inhi l-Ewkaristija.

Enfasi fuq l-għotja

Nixtieq li nieqfu ftit fuq il-kliem tal-konsagrazzjoni, kif smajna fl-ewweliIttra ta’ San Pawl lill-Korintin. Dan hu, fil-fatt, l-eqdem rakkont tal-Ewkaristija. Ara x’jgħid San Pawl: il-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li qasmu, radd il-ħajr u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom: agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11:24). L-istess għamel bil-kalċi, fejn qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi” (1 Kor 11:25).

L-Ewkaristija hi essenzjali għall-ħajja tagħna bħala Nsara. Jekk xi ħadd iħoss li jgħaddi mingħajrha, għadu ma fehemx x’inhi l-Ewkaristija

X’ninnutaw f’dal-kliem ta’ Ġesù, li hu essenzjalment l-istess kliem li jingħad mis-saċerdot f’kull quddiesa? L-ewwel nett, Ġesù jgħid: “Dan hu ġismi”; ma jgħidx “immaġinaw li dan hu ġismi” jew “stħajlu li dan hu ġismi”. Għalhekk din hi preżenza reali. Imbagħad Ġesù jgħid “li jingħata għalikom”. Hawn Ġesu ġabar fl-Ewkaristija l-ħajja kollha tiegħu, għax il-ħajja kollha – kull mument ta’ ħajtu – kienet ħajja ta’ għotja li hu għamel għall-bnedmin. Għalhekk sar bniedem fostna u bħalna, biex jingħata għalina, għall-umanità. Imma Ġesù ġabar fl-Ewkaristija mhux biss ħajtu imma wkoll mewtu. Ftit wara, mislub fuq is-salib, kien se jagħmel sewwasew dak li tfisser l-Ewkaristija, u jagħmel dan sal-aħħar: jingħata għalina.

Nixtieq li nifhmu din l-enfasi fuq l-għotja, speċjalment meta San Pawl iqegħidha f’kuntrast ma’ dak li kien se jgħaddi minnu Ġesù. Jgħid “fil-lejl li fih kien ittradut”. Mela, hu kien ittradut, jiġifieri wieħed mit-tnax qrib tiegħu, ittradih, u Ġesù ta lilu nnifsu b’għotja għal kulħadd, għas-saħħa u s-salvazzjoni tagħna.

Imbagħad Ġesù jgħid: “agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Irid li niċċelebraw l-Ewkaristija, bħalma kien qal ukoll meta fl-Aħħar Ċena ħasel saqajn it-tnax u qalilhom: “Jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15). Niċċelebraw l-Ewkaristija, il-preżenza reali ta’ Ġesù, li jħeġġiġna biex bħalu ħajjitna nagħmluha għotja.

Il-qawwa tal-bidla

Kull Ewkaristija li niċċelebraw lilna turina l-qawwa tal-bidla li jġib Ġesù. Bħalma, kif rajna fl-Evanġelju skont San Luqa, hu bidel ħames ħobżiet u żewġ ħutiet f’ikel lil aktar minn ħamest elef ruħ – miraklu tal-kwantità – hekk fl-Ewkaristija hu jibdel il-ħobż u l-inbid fil-ġisem u d-demm tiegħu – miraklu tal-kwalità.

Jagħmel dan għalina, biex lilna jista’ jagħtina l-ħajja meta nirċevuh, il-ħajja li ma tintemmx hawn imma li tkompli fil-ħajja ta’ dejjem. Niftakru dak li kien qal: “Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6:51). Il-preżenza tiegħu fina għandha ġġib ukoll bidla għall-aħjar f’ħajjitna, biex tagħmilna aktar nixbhu lilu. Dik hi d-differenza kbira meta mqabbel ma’ ikel ieħor – l-ikel li nieklu nibdluh fina, imma l-Ewkaristija tgħinna biex ninbidlu aktar fih, dejjem jekk naċċettaw. Hi din il-bidla li tgħinna biex ħajjitna tkun ukoll għotja għall-oħrajn, bħalma hi l-ħajja ta’ Ġesù.

L-importanza tal-quddiesa

Nitolbu lill-Mulej illum biex nagħrfu l-importanza tal-quddiesa, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Hu jsejħilna biex niċċelebraw l-Ewkaristija kull nhar ta’ Ħadd, u joffrilna l-possibbiltà anke fi ġranet oħra għal min jista’ u jixtieq. Imma rridu niftakru li nhar ta’ Ħadd Ġesù jistenniena. Bħala Nsara għandu jkun impenn tagħna; qatt ma għandna nfallu milli nieħdu sehem fil-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd, dejjem jekk ma nkunux morda. Jekk inkunu morda, ma għandniex niġu b’rispett tal-oħrajn, imma jekk b’saħħitna, għandna nieħdu sehem fl-Ewkaristija, inkunu fejn inkunu, anke jekk inkunu f’post fejn irridu nfittxu knisja.

Nitolbu lill-Mulej biex nibqgħu qrib tiegħu fl-Ewkaristija, għax l-Ewkaristija ġġib dejjem f’ħajjitna u fil-ħajja tal-familja tagħna barka, grazzja u ġid.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju