L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Xejn la tibża’” (Mt 1:20). Dan hu l-kliem li jgħid l-anġlu tal-Mulej lil Ġużeppi meta jidhirlu f’ħolma, u jgħidlu li ma għandux għalfejn jibża’ jieħu lil Marija b’martu. Fil-fatt Ġużeppi kien baqa’ mħasseb sew għax hu kien miżżewweġ lil Marija, imma skont id-drawwa ta’ dak iż-żmien, kienu għadhom ma joqogħdux flimkien, u Marija ħarġet tqila.

Għalhekk l-anġlu ried iserraħ ras Ġużeppi li din kienet opra ta’ Alla, u jgħidlu: “dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:20). U jgħidlu iżjed: li hi se jkollha iben u li hu, Ġużeppi, isemmih Ġesù għax hu se jkun is-salvatur tal-poplu.

F’dan iż-żmien ta’ preparazzjoni, fl-aħħar ġranet qabel il-Milied, jagħmel tajjeb li nħarsu lejn Ġużeppi, għaliex għandu ħafna x’jgħidilna u x’jgħallimna meta narawh flimkien ma’ Marija u Ġesù, speċjalment fix-xbieha tal-presepju li jfisser il-ġrajja tal-Milied. Hemm ħafna li Ġużeppi jgħallimna. Ħa nsemmi xi punti li naraw, l-aktar fil-ġrajja li smajna llum fl-Evanġelju. L-ewwel nett, Ġużeppi jgħallimna l-għożża tal-ħajja. Kien “raġel ġust” (Mt 1:19), kif jgħid l-Evanġelju, u għalhekk ried jimxi sewwa quddiem Alla; għalhekk beda jaħseb kif lil Marija “jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt 1:19). Imma fl-istess waqt, f’dan il-ħsieb tiegħu, kien hemm li hu ried iħares il-ħajja ta’ Marija u ta’ binha Ġesù li tnissel fiha. Għalhekk “bil-moħbi tan-nies”, għax kien jaf li jekk isiru jafu li se jkollha tarbija, kienet tispiċċa mħaġġra, u tmut hi u binha Ġesù. Din kienet id-deċiżjoni li għamel Ġużeppi li turina kemm kien jgħożż il-ħajja ta’ Marija u ta’ binha Ġesù.

Lil Ġużeppi narawh ukoll bħala l-bniedem li jisma’ – jisma’ lil Alla, u jħalli dan is-smigħ ta’ Alla jibdillu anke l-pjanijiet tiegħu. Ġużeppi kellu pjanijiet tajbin, kien jaf kif se jagħmel; imma meta sema’ l-messaġġ ta’ Alla permezz tal-anġlu, bidel il-ħsieb tiegħu biex jimxi skont dak li sema’ mingħand Alla. U mhux hawn biss. Narawh anke f’mumenti oħra, bħal meta aktar ’il quddiem ikun twieled Ġesù, u l-anġlu tal-Mulej jgħidlu biex jaħarbu lejn l-Eġittu għax Erodi kien qed ifittex il-ħajja tat-tifel (ara Mt 2:13), u Ġużeppi sema’ wkoll u mexa kif qallu l-Mulej.

Ġużeppi kien ukoll bniedem ta’ azzjoni. Mhux jisma’ biss u daqshekk, imma jieħu azzjoni. Fil-fatt tolqotna l-aħħar sentenza fl-Evanġelju tal-lum: “Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej” (Mt 1:24). Sema’, fehem li din kienet ġejja minn Alla, u għamel kif qallu l-anġlu. Araw kif is-smigħ f’Ġużeppi dejjem imsieħeb mal-azzjoni, dak li għandek tagħmel. U jagħmlu ma jdumx. L-istess anke f’mumenti oħra meta deherlu l-anġlu. Kull darba li sema’ l-messaġġ minn Alla, sema’, ħalla l-Mulej jibdel il-ħsibijiet tiegħu, imma mbagħad għamel – għamel kif qallu l-Mulej.

Dal-bniedem jgħallimna ħafna. U hija ħaġa sabiħa ħafna li meta aħna nħarsu lejn il-presepju, u naraw lil Ġużeppi, nitgħallmu minnu dak li jgħodd għall-ħajja tagħna. Għalhekk illum nitolbu lill-Mulej biex aħna u nħarsu lejn Ġużeppi, il-missier putattiv ta’ Ġesù, aħna nitgħallmu minnu ngħożżu l-ħajja; nisimgħu lill-Mulej biex nimxu ma’ dak li hu sewwa; u nagħmlu dak li għandna nagħmlu malajr u bil-qalb.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju