Ġew inawgurati żewġ proġetti ta’ restawr fil‑Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid u fil‑Knisja Arċipretali tal‑Lunzjata f’Ħal Tarxien. Dawn il‑proġetti, b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea, saru b’investiment ta’ aktar minn €400,000. Il‑proġetti ġew inawgurati llum mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll għall‑konferenza tal‑aħbarijiet kien hemm is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u Dun Marc Andrè Camilleri u Dun Christopher Ellul, il‑kappillan u l‑arċipriet tal‑parroċċa ta’ Raħal Ġdid (Kristu Re) u ta’ Ħal Tarxien rispettivament.
F’Raħal Ġdid, il‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta ħadet ħsieb li jiġu rrestawrati l‑kolonni tal‑konkos li huma għolja 11‑il metru u li jinsabu fil‑ġnub tal‑knisja. Sar ukoll xogħol estensiv fuq ix‑xquq il‑kbar li kien hemm mal‑kolonni u fil‑ġebel li jdawwar il‑portiku, tbiddlu l‑kapitelli tal‑ġnub u saru travi tal‑ħadid biex isaħħu l‑istruttura.
F’Ħal Tarxien, ix‑xogħol ta’ konservazzjoni u restawr sar fuq il‑ħitan tal‑ġnubijiet tal‑knisja kif ukoll fuq in‑naħa ta’ wara tagħha fejn il‑ġebla Maltija tnaddfet mit‑tniġġis tal‑arja, u ġew irrestawrati wkoll l‑aperturi tal‑injam.
L‑Isqof Joseph Galea-Curmi qal li l‑inawgurazzjoni ta’ dawn iż‑żewġ proġetti tfakkarna li bħala soċjetà għandna nibqgħu napprezzaw dak li hu sabiħ u ninkoraġixxu s‑sbuħija tal‑patrimonju tagħna, filwaqt li nirrifjutaw dak li jkerrah il‑wirt naturali tagħna. Qal li l‑Knisja f’Malta hija impenjata li tħares il‑wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna, u tagħmel dan f’kollaborazzjoni sħiħa ma’ kull min għandu għal qalbu dan il‑patrimonju. L‑Isqof Awżiljarju rringrazzja lill‑poplu ta’ Raħal Ġdid u ta’ Ħal Tarxien, lis‑Segretarjat Parlamentari għall‑Fondi Ewropej, kif ukoll lill‑professjonisti u l‑ħaddiema kollha, tal‑kontribut tagħhom f’dawn il‑proġetti.
Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din l‑isħubija bejn l‑Istat u l‑Knisja qed tħalli impatt pożittiv fuq diversi lokalitjiet hekk kif qed isir restawr estensiv fuq knejjes varji, fosthom dawk ta’ Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Huwa spjega kif grazzi għal dawn il‑proġetti, qed isir ħafna xogħol biex inħarsu u nippreservaw il‑wirt reliġjuż ġewwa pajjiżna ħalli jkun jista’ jkompli jitgawda mill‑ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Is‑Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li dan ir-restawr huwa mezz li bih qed ninvestu fondi Ewropej fil‑qalba tal‑lokalitajiet tagħna bil‑għan li nieħdu ħsieb il‑patrimonju ta’ pajjiżna.
Fid‑diskors tiegħu, Michael Pace Ross qal li dawn iż‑żewġ knejjes huma qrib tal‑Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u ġaladarba tgħaddi l‑pandemija, it‑turisti kif ukoll il‑Maltin li jżuru din l‑istruttura Neolitika jkunu jistgħu jdaħħlu fl‑itinerarju tagħhom dawn il‑knejjes parrokkjali li wkoll jiffurmaw parti mill‑wirt kulturali li bħala soċjetà għandna obbligu li ngħadduh lill‑ġenerazzjonijiet futuri.
Il‑Bażilika Minuri ta’ Kristu Re hija l‑ikbar knisja f’Malta u tlestiet fl‑1959 fuq disinn ta’ Ġużè D’Amato. Il‑Knisja Arċipretali tal‑Lunzjata nbniet fis‑seklu 17 u kienet l‑ewwel knisja parrokkjali f’Malta b’żewġ kampnari.