Għada l‑Ħadd, 18 ta’ April 2021, il‑Knisja f’Malta se tfakkar Jum il‑Karità. L‑għan ta’ dan il‑jum hu li jikber l‑għarfien dwar il‑ħidma li jwettqu fis‑soċjetà l-entitajiet tal‑Knisja mal‑persuni vulnerabbli. Permezz ta’ diversi djar residenzjali u ħidmiet ta’ karità minn professjonisti u voluntiera, il‑Knisja f’Malta tilqa’ u taqdi lil ħutna fil‑bżonn, irrispettivament mir‑razza, kulur tal‑ġilda jew twemmin. Fuq xewqa tal-Arċisqof Charles Scicluna, għada fid-9:30am, il-Quddiesa tal-Ħadd ser tixxandar mill-kappella tas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità (magħrufa bħala s-Sorijiet ta’ Madre Tereża) f’Bormla.

L-entitàjiet li jipparteċipaw f’Jum il-Karità huma: Id‑Dar tal‑Providenza, Caritas, Fondazzjoni Sebħ, id‑Djar tal‑Anzjani, il‑Kummissjoni Migranti, il‑Laboratorju tal‑Paċi, il‑Jesuit Refugee Service, St Jeanne Antide Foundation, il‑Millenium Chapel, Paolo Freire Insititute, Dar Merħba Bik, Dar Osanna Pia, Dar Hosea, Dar Frate Jacoba, is‑Segretarjat Assistenza Soċjali, il‑Fondazzjoni Paċi u Ġid, u Suret il‑Bniedem.

Din is‑sena, l‑għajnuna lil dawn l‑entitajiet għall‑persuni fil‑bżonn tista’ tingħata b’SMS jew telefonata:

  • Donazzjoni ta’ €11.65 (SMS fuq 50619270)
  • Donazzjoni ta’ €20 (Telefonata fuq 51002037)
  • Donazzjoni ta’ €50 (Telefonata fuq 51902072)

Matul l‑2020, kien hemm iktar minn 1,600 persuna jgħixu fid‑djar residenzjali tal‑Knisja. Dawn jinkludu tfal u żgħażagħ li jgħixu fid‑djar tat‑tfal, anzjani li jgħixu fid‑djar residenzjali, persuni bi bżonnijiet speċjali, dawk li qed jingħataw l‑għajnuna biex joħorġu mill-vizzju tad-droga, immigranti u refuġjati li jgħixu fi djar tal‑Knisja, vittmi ta’ vjolenza domestika, nisa li jaqgħu fil‑prostituzzjoni, u persuni bla saqaf fuq rashom. Barra minn hekk, mal‑1,300 familja jingħataw għajnuna mill‑kappillani permezz tas‑servizzi ta’ djakonija fil‑parroċċi.

Jum il‑Karità jitfakkar kull sena fit‑tielet Ħadd tal‑Għid b’inizjattiva tas‑Segretarjat għad‑Djakonija fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta.