Għada, il‑Ħadd 3 ta’ Mejju 2020, huwa il‑Jum Dinji ta’ Talb għall‑Vokazzjonijiet. Għal din l‑okkażjoni l‑Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra Quddiesa bil‑Malti fid‑9:30am u Quddiesa bl‑Ingliż fis‑6:30pm, mill‑Kappella taċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet fis‑Seminarju, Tal‑Virtù.  Il‑Quddies jixxandar fuq TVM2 u Knisja.mt. Illejla wkoll, fis‑7pm se tixxandar Quddiesa għaż‑żgħażagħ bis‑sehem ta’ wieħed mis‑seminaristi li bħalissa qed jirċievu l‑formazzjoni tagħhom fis‑Seminarju tal‑Arċisqof.

Għal dan il‑jum, iċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet tas‑Seminarju pprepara filmat bit‑titlu ‘Rooted’. L‑għan huwa li juri l‑biża’ li persuna tista’ tgħaddi minnha meta tagħraf u taċċetta l‑vokazzjoni tagħha, li mbagħad tinbidel bħal żerriegħa li tinbet u tiffjorixxi permezz tal‑fidi u tal‑għarfien tal‑preżenza ta’ Alla.

Fil‑messaġġ tiegħu għall‑Jum Dinji ta’ Talb għall‑Vokazzjonijiet 2020, il‑Papa Franġisku qal li bħala Knisja, aħna fid‑dmir li nkomplu nitolbu għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali. Il‑Papa sejjaħ lill‑Insara biex jitolbu “biex kulħadd jista’ jiskopri bi gratitudni s‑sejħa li Alla qed jagħmillu, isib il‑kuraġġ li jlissen ‘iva’, jegħleb l‑għeja tat‑taħbit bil‑fidi fi Kristu u, fl‑aħħar, joffri ħajtu bħala għanja ta’ tifħir lil Alla, għall‑aħwa u għad‑dinja kollha.”

L‑għan taċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet huwa li jakkumpanja lill‑adolexxenti u liż‑żgħażagħ fil‑mixja tagħhom lejn l‑għarfien tas‑sejħa personali li Alla jrid jagħmlilhom. Il‑mira hi li ż‑żgħażagħ jiskopru u jilqgħu bi ħġarhom is‑sejħa għall‑ħajja li huma msejħin għaliha: hiex il‑ħajja miżżewġa, lajka impenjata, saċerdotali jew reliġjuża. Riċentament iċ‑Ċentru nieda l‑websajt www.seminaryvocationscentre.mt li tinkludi blogs minn diversi persuni li sabu s‑sejħa tagħhom permezz tal‑ħidma li ssir minn dan iċ‑Ċentru.

F’dan il‑perjodu ċ‑Ċentru qed itella’ programm kull xahar permezz ta’ konferenzi li qegħdin isiru fuq https://www.facebook.com/SeminaryVocationsCentre mmirati għal adolexxenti u żgħażagħ li huma ġuvintur, minn 12‑il sena ’l fuq. Għal iżjed tagħrif, wieħed jista’ jikkuntattja lid‑direttur taċ‑Ċentru, Fr Stephen Magro, fuq in‑numru 79964557, b’email [email protected] jew fuq www.seminaryvocationscentre.mt.

L‑Insara huma mħeġġa biex jitolbu sabiex il‑Mulej jgħin liż‑żgħażagħ jiskopru l‑pjan ta’ mħabba li Alla għandu għalihom.