L‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed torganizza jum ta’ talb u sawm għal dawk kollha li qed ibatu minħabba l‑instabbiltà politika li jinsab fiha l‑poplu Afgan. Il‑Papa Franġisku stess appella għat‑talb u s‑sawm għall‑Afganistan, u għad‑djalogu u s‑solidarjetà li joffru tama għall‑futur ta’ dan il‑pajjiż.
Għalhekk, nhar il‑Ħamis 16 ta’ Settembru, se jiġi organizzat dan il‑jum ta’ talb mill‑kappella tal‑Junior College, l‑Imsida, li se jixxandar online fuq Knisja.mt u li ser jinkludi l‑quddiesa ta’ kuljum mmexxija mill‑Arċisqof Charles Scicluna fid‑9:30am fuq TVM2. L‑Insara qed jiġu mħeġġa jingħaqdu fit‑talb personali u s‑sawm, u li jsegwu x‑xandira li se tkun animata minn gruppi ta’ żgħażagħ, mill‑istudenti fl-iskejjel u mill‑parroċċi u l-għaqdiet Insara. Dan il‑jum ta’ talb jibda fit‑8 ta’ filgħodu u jintemm fit‑8 ta’ filgħaxija.
Dakinhar, il‑Millenium Chapel f’San Ġiljan se tkun miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jagħmlu mument ta’ adorazzjoni quddiem is‑Sagrament.
Caritas Malta ttenni l‑appell tagħha għall‑ġbir ta’ donazzjonijiet biex permezz ta’ Caritas Internationalis tingħata l‑għajnuna tant meħtieġa lill‑persuni tal‑Afganistan u lil dawk tal‑Ħaiti li intlaqtu minn terremot qawwi.