L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ħamsa u għoxrin sena ilu twaqqaf il‑Malta Unborn Child Platform. Dan il‑Moviment baqa’, sena wara sena, jaħdem biex jippromwovi r‑rispett lejn id‑dinjità u d‑drittijiet tat‑tarbija li tkun se titwieled, u l‑protezzjoni u l‑iżvilupp tagħha. Nixtieq illum nirringrazzja lil dawk kollha li tul dawn is‑snin ħadmu bis‑sħiħ biex irawmu kuxjenza favur il‑ħajja umana meta hi l‑aktar vulnerabbli u dipendenti, u meta teħtieġ l‑akbar appoġġ u sostenn.

Il‑ħajja nbidlet mhux ħażin minn ħamsa u għoxrin sena ilu, anke f’pajjiżna, imma llum hu bżonn kbir li nkomplu naħdmu b’qawwa ħalli tiġi rispettata l‑ħajja umana f’kull waqt tagħha. Illum, l‑Evanġelju skont San Mark jurina lil Ġesù f’ħidma kontinwa favur il‑ħajja u s‑saħħa ta’ tant nies, hu li ġie proprju biex jagħtina l‑ħajja bil‑kotra. Il‑messaġġ li nixtieq nenfasizza llum hu li lkoll irridu nimpenjaw ruħna li ngħożżu l‑ħajja umana, nipproteġuha, u naħdmu kontra dak kollu li hu ta’ riskju għaliha. Dan għandna nagħmluh mill‑konċepiment sat‑tmiem naturali tagħha.

Il‑bidu

Hu importanti li jkollna din l‑etika konsistenti favur il‑ħajja umana. Ħa nibda mill‑bidu nett, meta x‑xjenza tgħidilna li tibda l‑ħajja umana, jiġifieri mit‑tnissil. Nafu li għad hemm min jirreferi għal dil‑ħajja umana bħala ftit ċelloli, bħallikieku għandek oġġett li tista’ tarmih. Hemm kultant l‑idea żbaljata li jekk int taċċetta l‑ħajja umana ġdida, issejħilha tarbija li int qed tistenna; waqt li jekk int tirrifjutaha, issejħilha ftit ċelloli insinifikanti.

Imma l‑ħajja umana qatt ma għandha tiddependi fuq jekk aħna naċċettawhiex jew le, imma fuq id‑dinjità intrinsika tagħha. Għalhekk għandna nipproteġuha! U għalina li nemmnu, il‑ħajja umana hi xbieha ta’ Alla dejjem, ukoll meta għadha fil‑bidu u għadha ma tidhirx jekk mhux permezz ta’ ultrasound.

L-isfidi

Meta aħna mill‑bidu nett ikollna l‑għożża favur il‑ħajja tal‑bniedem, imbagħad nistgħu naħdmu bis‑serjetà biex dan ikun kriterju ewlieni fl‑għażliet tal‑ħajja tagħna personali u tas‑soċjetà. Illum hawn diversi sfidi f’pajjiżna u, mingħajr dan il‑kriterju, nispiċċaw nagħmlu għażliet li jagħmlu ħsara lilna nfusna u lill‑oħrajn.

Insemmi l‑isfida tad‑droga. Sa ftit snin ilu, bħala soċjetà konna nitkellmu kontra d‑droga, għax din tħalli effetti ta’ ħsara fuq il vittmi u fuq is‑soċjetà. Illum, minn ċertu żmien ’il hawn, xi wħud qasmu d‑droga f’dik li hi ħażina u dik li hi aċċettabbli, anzi tista’ tkun mezz ta’ rikreazzjoni. Numru kbir ta’ professjonisti minn oqsma differenti kif ukoll assoċjazzjonijiet li jaħdmu mal‑vittmi, tkellmu u qalu li le, din xorta tagħmel ħsara, anke mentalment, fl‑aħħar mill‑aħħar se tkun ta’ dannu għal diversi persuni u għas‑soċjetà. Il‑parir ta’ dawn ġie injorat u issa hawn min kontinwament jiftaħar, qisu xi avvanz fis‑soċjetà, li għandna din il‑mewġa ta’ nies jirrikreaw ruħhom b’dan il‑mod. Illum jistgħu anke jwassluhielek id‑dar bil‑mutur u tiġi f’pakketti attraenti u kkuluriti.

Dawn hu eżempju ċar meta l‑għożża tal‑ħajja tal‑bniedem mhijiex kriterju prinċipali fl‑għażliet ta’ ħafna. Min ibati? Mhux biss dawk il‑persuni li meta jgħaddu s‑snin jispiċċaw vittmi, imma wkoll il‑vittmi tal‑vittmi. Is‑soċjetà kollha tbati. Aħna, bħalissa, diġà qed inbatu l‑konsegwenzi ta’ dan. Se jbatu wkoll il‑ġenerazzjonijiet futuri li jitilgħu f’dan l‑ambjent fejn jedhew jagħmlu ħsara lilhom infushom.

Insemmi l‑isfida tal‑ambjent. Jekk aħna ma nipproteġux il‑ħolqien, inkunu qed inniġġsu l‑arja li nieħdu nifs minnha. Inkunu, bil‑mod il‑mod, qed neqirdu l‑ħajja tagħna u tal‑oħrajn. Ma hemmx għalfejn tkun wisq għaref biex tinduna li Malta li hi gżira żgħira — ma għandhiex tinbidel f’panorama, jew aħjar f’geġwiġija ta’ konkos, ta’ siment u ta’ sulari.  Meta ġurnata wara l‑oħra naraw quddiem għajnejna din il‑qerda f’pajjiżna, din thedded il‑ħajja tagħna u tal‑ġenerazzjonijiet futuri.

Insemmi l‑isfida tal‑vjolenza domestika. Hi ta’ qsim il‑qalb meta tisma’ persuni li qishom inqabdu f’nassa fi ħdan il‑familja tagħhom stess, u huma vittmi ta’ vjolenza fl‑istess post fejn suppost jgħixu fil‑paċi u fl‑imħabba. Din hi tbatija kbira. Hu importanti li l‑vittmi jsibu l‑appoġġ neċessarju biex joħorġu mis‑sitwazzjoni ta’ abbuż – abbuż li hu ta’ theddida għal ħajjithom.

Insemmi l‑isfida tal‑konflitti u l‑gwerer. Jekk aħna ngħożżu l‑ħajja, ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem dak li qed jiġri fl‑Ukrajna, li ġara f’Iżrael, li qed jiġri f’Gaża, u f’postijiet oħra. Hi terribbli. Xejn ma jiġġustifika l‑qerda ta’ tant ħajjiet innoċenti, tant vittmi tal‑vjolenza, tal‑mibegħda u tad‑disprezz lejn il‑ħajja tal‑bniedem. Imma hu sewwasew għax il‑protezzjoni tal‑ħajja umana mhijiex kriterju fundamentali, li jiġri dan kollu.

Insemmi l‑isfida ta’ nies li qegħdin ifittxu l‑kenn f’post ieħor, u li huma vittmi ta’ rifjut u tal‑kultura tal‑iskart, ħafna drabi minħabba r‑razziżmu jew ir‑razzjaliżmu – kelma oħra li għandha l‑istess effetti. Meta nirrispettaw il‑ħajja umana, għalina l‑persuna hi dejjem għażiża, hi ta’ liema razza, lewn, ġeneru, reliġjon hi.

Insemmi l‑isfida ta’ dawk l‑anzjani jew morda f’qagħda vulnerabbli u ta’ dipendenza kbira. Dawn jeħtieġu appoġġ u għajnuna biex jagħrfu li l‑ħajja tagħhom tibqa’ dejjem b’dinjità u biex ħadd ma jagħtihom x’jifhmu li jkun aħjar jekk jgħibu mix‑xena. Is‑saħħa tas‑soċjetà titqies mill‑progress ta’ dawk l‑aktar dgħajfa.

Insemmi l‑isfida ta’ dawk li qed jikkunsidraw li jneħħu ħajjithom minħabba ċ‑ċirkustanzi ibsin li għaddejjin minnhom. Qed jaraw biss dlam, u jħossuhom bħal Ġob fl‑Ewwel Qari: “Jekk nimtedd, ngħid: ‘Meta se nqum?’ U meta nqum, ngħid: ‘Meta se jidlam?’” (Ġob 7:4). Għandhom bżonn l‑id li magħha jistgħu jiggranfaw u l‑kelma li tgħidilhom: int tiswa, int għandek valur, il‑ħajja tiegħek hi għażiża!

Il‑messaġġ

Dawn huma sitwazzjonijet partikulari. Hemm diversi oħrajn, imma l‑messaġġ għandu jkun dejjem wieħed: il‑ħajja rridu nipproteġuha u ngħożżuha mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha, f’kull waqt tagħha, u sat‑tmiem naturali tagħha.  Il‑mument li nagħmlu eċċezzjoni f’xi waqt, inkunu qed nintroduċu theddida għall‑ħajja, mhux biss ta’ xi ħadd imma tagħna lkoll.

Nitolbu llum li dejjem ikollna etika konsistenti favur il‑ħajja, u li dejjem ngħożżu l‑ħajja bl‑imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju