Żewġ seminaristi fil‑ħames sena ta’ preparazzjoni fis‑Seminarju tal‑Arċisqof se jitolbu lill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna biex jaċċettahom bħala kandidati għall‑Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali. Din iċ‑ċelebrazzjoni ser issir nhar it‑Tnejn, l‑1 ta’ Novembru 2021, waqt il‑quddiesa f’Jum il‑Qaddisin Kollha fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fis‑6:30 p.m.

Malcolm Saliba mill‑Parroċċa ta’ Santa Marija, Ħ’Attard, u Karl Andrew Schembri mill‑Parroċċa tat‑Twelid tal‑Verġni Marija, il‑Mellieħa, ser jistqarru pubblikament ir‑rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill‑Knisja biex iservu bħala saċerdoti.

Filwaqt li jilqagħhom b’ferħ, Mons. Arċisqof, f’isem il‑Knisja, ser ikun qed jitlobhom biex matul is‑snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall‑Ordni Sagri.

Il‑komunità Nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn iż‑żewġ kandidati għas‑saċerdozju.