L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Luke Cutajar bħala kappillan tal‑Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn.

Dun Luke Cutajar twieled is-Siġġiewi fit-22 ta’ Jannar 1988 u trabba r-Rabat. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja u sekondarja fil-Kulleġġ Stella Maris, il-Gżira, u kompla s-Sixth Form fil-Kulleġġ De La Salle, il-Birgu. Kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija) u Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali, fl-Università ta’ Malta.

Dun Luke Cutajar ġie ordnat saċerdot fl‑2014. L‑ewwel esperjenza pastorali tiegħu kienet fil‑Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta bħala djaknu u wara bħala viċi‑arċipriet. B’kollox serva għal sentejn f’din il‑parroċċa. Fl-2016 sar il-Viċi-Kappillan ta’ Wied il-Għajn fejn ilu jservi dawn l-aħħar seba’ snin.

Fl-2017 sar iċ‑chaplain tal-Alternative Learning Programme (ALP) f’Raħal Ġdid u fl‑2018 sar iċ‑chaplain tal‑iskola sekondarja ta’ St Thomas More f’Santa Luċija. Fl-2021 sar id-direttur spiritwali tal-Malta Girl Guides.

Il‑Parroċċa ta’ Wied il-Għajn tiġbor fiha madwar 16,800 persuna f’4,000 familja.