Image of the statue of St. John Paul II at the Gemelli hospital  (ANSA)

Għeżież ħuti,

Fil-Vanġeli tal-infanzja ta’ Ġesù hemm episodju li nsibuh biss fir-rakkont ta’ Mattew: iż-żjara tal-Maġi. Miġbudin mid-dehra ta’ stilla, li f’ħafna kulturi tbassar it-twelid ta’ persuni eċċezzjonali, xi għorrief jitilqu fi vjaġġ mil-Lvant, bla ma jafu eżattament id-destinazzjoni fejn sejrin. Dawn huma l-Maġi, persuni li ma jagħmlux parti mill-poplu tal-Patt. L-aħħar darba tkellimna fuq ir-ragħajja ta’ Betlehem, emarġinati fis-soċjetà Lhudija għax meqjusa “impuri”; illum qed niltaqgħu ma’ kategorija oħra, il-barranin, li jaslu minnufih biex jagħtu qima lil Bin Alla li daħal fl-istorja b’regalità għalkollox ġdida. Allura l-Vanġeli qed jgħidulna b’mod ċar li l-foqra u l-barranin huma fost l-ewwel mistiedna biex jiltaqgħu ma’ Alla li sar bniedem, il-Feddej tad-dinja.

Il-Maġi ġew meqjusa bħala rappreżentanti kemm tar-razez tal-bidu, imnissla mit-tliet ulied ta’ Noè; kemm tat-tliet kontinenti magħrufa tal-qedem: l-Asja, l-Afrika u l-Ewropa; u kemm tat-tliet fażijiet tal-ħajja umana: iż-żgħożija, il-ħajja adulta u x-xjuħija. Lil hemm minn kull interpretazzjoni possibbli, huma rġiel li ma jibqgħux weqfin imma, bħall-imsejħin il-kbar tal-istorja biblika, iħossu l-istedina biex jiċċaqilqu, biex jimxu. Huma rġiel li jafu jaraw lil hemm minnhom infushom, jafu jħarsu fil-għoli.

Il-ġibda lejn il-kewkba li dehret fis-sema twassalhom biex jitilqu lejn l-art ta’ Ġuda, sa Ġerusalemm, fejn jiltaqgħu mas-sultan Erodi. L-inġenwinità tagħhom u l-fiduċja tagħhom li jitolbu informazzjoni dwar is-sultan tal-Lhud li għadu kemm twieled jiltaqgħu mal-ħażen ta’ moħħ Erodi, li, anzjuż bil-biża’ li jitlef it-tron, minnufih ifittex jifhem, u jsejjaħ lill-kittieba u jitlobhom jistħarrġu.

U hekk, il-poter ta’ dan is-sultan ta’ din l-art juri d-dgħufija kollha tiegħu. L-esperti jafu l-Iskrittura u jtarrfu lis-sultan dwar il-post fejn, skont il-profezija ta’ Mikea, kellu jitwieled il-kap u ragħaj tal-poplu ta’ Iżrael (Mik 5:1): iċ-ċkejkna Betlehem u mhux il-kbira Ġerusalemm! Fil-fatt, kif ifakkar Pawlu lill-Korintin, “Alla għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija” (1 Kor 1:27).

Madankollu, il-kittieba, li jafu jindividwaw eżattament il-post tat-twelid tal-Messija, juru t-triq lill-oħrajn imma huma stess ma jiċċaqilqux! Fil-fatt, mhux biżżejjed li tkun taf it-testi profetiċi biex tidħol f’sintonija mal-frekwenzi divini, imma hemm bżonn tfittex ġewwa fik u tħalli l-Kelma ta’ Alla ġġedded ix-xenqa għat-tiftixa, tkebbes ix-xewqa li tara lil Alla.

Hawn Erodi, bil-moħbi, kif jaġixxu l-qarrieqa u l-vjolenti, jistaqsi lill-Maġi dwar il-mument preċiż li fih dehritilhom il-kewkba u jħajjarhom ikomplu bil-vjaġġ u biex imbagħad jerġgħu lura biex jgħidulu, biex anki hu jkun jista’ jmur jagħti qima lit-tarbija. Għal min hu marbut mal-poter, Ġesù mhuwiex it-tama biex jilqagħha, imma theddida biex jeliminaha!

Meta l-Maġi jerġgħu jitilqu, l-istilla titfaċċa mill-ġdid u twassalhom sa ħdejn Ġesù, sinjal li l-ħolqien u l-kelma tal-profeti jirrappreżentaw l-alfabett li bih Alla jitkellem u jħalli lil min isibu. Iż-żjara tal-kewkba tqanqal f’dawk l-irġiel ferħ kbir, għax l-Ispirtu s-Santu, li jċaqlaq il-qalb ta’ kull min ifittex lil Alla bis-sinċerità, jimlieh ukoll bil-hena. Xħin daħlu d-dar, il-Maġi niżlu għarkupptejhom, jaduraw lil Ġesù, u offrewlu doni prezzjużi, denji ta’ sultan, denji ta’ Alla. Għaliex? X’jaraw? Jikteb awtur antik: jilmħu fih “ġisem ċkejken u fqajjar li l-Verb ħa fuqu; imma mhix moħbija għalihom il-glorja tad-divinità. Jaraw tarbija tat-twelid; imma jaduraw lil Alla” (Kromazju ta’ Aquileia, Kummentarju għall-Vanġelu ta’ Mattew 5,1). Hekk il-Maġi jsiru l-ewwel li jemmnu minn fost il-pagani, xbieha tal-Knisja miġmugħa minn kull ilsien u ġens.

Għeżież ħuti, ejjew noqogħdu aħna wkoll fl-iskola tal-Maġi, ta’ dawn il-“pellegrini tat-tama” li, b’kuraġġ kbir, indirizzaw il-passi tagħhom, il-qlub tagħhom u l-ġid tagħhom lejn Dak li huwa t-tama mhux biss ta’ Iżrael imma tal-ġnus kollha. Nitgħallmu naduraw lil Alla fiċ-ċokon tiegħu, fir-regalità tiegħu li ma tgħaffiġniex imma teħlisna u tagħtina l-ħila li naqdu b’dinjità. U noffrulu l-isbaħ doni, biex nesprimulu l-fidi tagħna u l-imħabba tagħna.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard