L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal, u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, imbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek” (Mt 5:24). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù llum lid-dixxipli tiegħu fl-Evanġelju, meta qed jgħidilhom kif għandhom iġibu ruħhom mal-oħrajn: l-imħabba li tkun f’qalbhom, mhux il-mibegħda; il-maħfra u mhux b’xi mod il-vendikazzjoni. Hawn jgħid li jekk tkun qed itella’ l-offerta tiegħek fuq l-artal, u hemm “tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek” (Mt 5:23), ħalli l-offerta hemmhekk, u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, imbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek.

Il-kliem ta’ Ġesù jgħodd ħafna għalina llum. Naturalment qed jgħid għal meta aħna nieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Mhux għal min ikun qed itella’ l-offerti waqt il-quddiesa u daqshekk, imma kull min jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u, aktar u aktar, meta aħna nitilgħu biex nirċievu lil Ġesù ġewwa fina.

Ġesù qed jgħid kemm hu importanti li aħna niġu għall-quddiesa u nitilgħu nitqarbnu ppreparati, u f’qalbna ma jkollniex il-mibegħda lejn l-oħrajn; li nkunu għamilna ħilitna, min-naħa tagħna, biex inkunu fil-paċi mal-oħrajn. 

Innutaw x’jgħid Ġesù hawnhekk. Jgħid: “tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek”. Mela mhux qed jgħid li int għandek xi ħaġa kontrieh, jew li int miġġieled jew miġġielda ma’ xi ħadd, jew għandek kontra xi ħadd. Ġesù jgħid drabi oħra kif aħna ma għandniex inkunu strumenti ta’ firda, ta’ konflitt, ta’ ġlied. Imma hawn qed jgħid: “ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek”. Għalhekk Ġesù qed jgħid: jekk ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek minħabba li int weġġajtu bil-kliem, jew għamiltlu azzjoni ħażina, mur l-ewwel irranġa miegħu, mur itolbu maħfra. Almenu tkun għamilt ħiltek. Issa jista’ jkun li ħaddieħor ikollu kontra tiegħek mhux minħabba f’hekk; jista’ jkun minħabba l-għira, jew inkella għax hu pezzakwestjoni, jew inkella jiġġieled ma’ kulħadd. Imma importanti li int tkun għamilt ħiltek. Dan nafuh anke fil-ħajja ta’ Ġesù. Kellu min hu kontra tiegħu u min baqa’ kontra tiegħu, imma Ġesù dejjem wera mħabba lejn kulħadd, anke lejn dawk li kienu kontra tiegħu. Issa jekk huma baqgħu kontra tiegħu, biċċa tagħhom. Imma hu għamel ħiltu.

Anke lilna hekk jixtieq minna: li nagħmlu dejjem ħilitna biex f’qalbna jkollna l-paċi mal-oħrajn.

Ġesù hawnhekk jgħid xi ħaġa oħra li nixtieq li ninnutawha. Meta jgħid “mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk”, iżid: “imbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek”. Mela mhux qed jgħid: jekk int miġġieled ma’ xi ħadd, tersaqx ’l hawn, tersaqx lejn il-knisja. Hawn min jgħidha din, jgħidlek: jekk int għandek f’qalbek kontra xi ħadd, aħjar ma tiġix il-knisja. Ikun qed jgħid: flok tagħmel ħaġa ħażina, tagħmel tnejn. Mentri Ġesù jgħid: il-knisja għandek tiġi, imma ara li tkun ippreparat u li tagħmel ħiltek biex tkun fil-paċi mal-oħrajn. Imma ejja. Ġesù jgħid: “imbagħad ejja” mhux tinqata’, ma tiġix iktar. Ejja hawn fil-knisja ħu sehem fl-Ewkaristija.

Ftit qabel, Ġesù kien qed jgħid kemm hu importanti li nagħmlu attenzjoni biex ma nħallux ir-rabja tikkmandana u ma ngħidux kliem li jweġġa’ lill-oħrajn. Jgħid: smajtu x’intqal “la toqtolx” (Mt 5:21). Toqtol hija ħaġa terribbli.  Imma Ġesù qed jgħid: ma hemmx għalfejn toqtol biex tgħid li għamilt xi ħaġa ħażina. Anke l-kliem li ngħidu li bih inweġġgħu lill-oħrajn – dak ukoll ħażin. Għalhekk irridu noqogħdu attenti li ma nħallux il-mumenti ta’ rabja jiġru bina, b’mod li lill-oħrajn ninsultawhom, ngħajruhom. Qatt ma għandu jkun dan il-kliem tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù. Jiddispjaċik illum li fuq il-media soċjali taqra kliem ta’ insulti, kliem li jweġġa’ – li jurik biss kemm il-persuna li titktibhom taqa’ fil-baxx. Ġesù qed jgħidilna: attenti li l-kliem li ngħidu ma jkunx kliem li joħloq konflitt jew li jweġġa’ lil ħaddieħor.

Nindunaw li meta ngħixu kif iridna Ġesù, kemm tkun isbaħ il-ħajja tagħna flimkien! Nitolbu lill-Mulej illum: agħtina d-dehen biex nagħrfu nuru ħniena ma’ kulħadd, u agħtina s-saħħa spiritwali biex inkunu dejjem strumenti tal-għaqda u s-sliem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju