L‑Arċidjoċesi ta’ Malta nediet ir‑raba’ sena tal‑proċess ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed: Knisja li Toħroġ’. Dan sar waqt l‑Assemblea Djoċesana annwali li ġiet fi tmiemha l‑Ġimgħa 24 ta’ Novembru 2023. Matul l‑Assemblea, iI‑grupp ta’ ħidma ta’ Knisja li Takkumpanja ta rendikont dwar xogħlu fejn ħass li jeħtieġ ikun hemm iktar għarfien fost l‑entitajiet tal‑Knisja stess kif ukoll li jissaħħaħ ix‑xogħol ta’ akkumpanjament li diġà jsir minnhom permezz ta’ formazzjoni. Għalhekk, flimkien mal‑Istitut tal‑Formazzjoni Pastorali (PFI), il-grupp ħadem biex jipprovdi taħriġ adegwat għal dawk li qed jipprovdu akkumpanjament. Il‑grupp ħadem ukoll fuq il‑website akkumpanjament.knisja.mt li għandha sservi bħala direttorju ta’ servizzi eżistenti fl‑akkumpanjament, immirata l‑iktar għal min jaħdem fil‑pastorali.
Barra minn hekk instemgħu għadd ta’ esperjenzi marbuta mal‑akkumpanjament taż‑żgħażagħ, inkluż l‑akkumpanjament li sar ma’ grupp miż‑żgħażagħ li marru jiċċelebraw il-Jum Dinji taż‑Żgħażagħ flimkien mal‑Papa Franġisku. Esperjenza oħra kienet minn voluntiera li taħdem ma’ Il-Kċina ta’ Marta, fejn semmiet kif il-voluntiera qed jipprovdu kelma ta’ faraġ lin-nies li jitqassmilhom l-ikel.
L‑Assemblea nfetħet mill‑Isqof Joseph Galea‑Curmi fejn semma kif l‑għeruq tal‑Assemblea nibtu 20 sena ilu kif intemm is‑Sinodu Djoċesan f’Malta, bil‑għan li titkompla l‑esperjenza ta’ sinodalità. “F’Malta dak li għexna aktar minn 20 sena ilu l‑Papa Franġisku qed jipproponih għall‑Knisja kollha universali.”
L‑Isqof Awżiljarju spjega kif matul is‑sena li ġejja l‑Knisja f’Malta se tiffoka biex oqsma differenti fil‑Knisja f’Malta jkollhom “inizjattivi kreattivi u siewja li jkunu frott ta’ dixxerniment”. Ħeġġeġ ukoll il‑parteċipazzjoni f’dan il‑parti tal‑proċess biex “inkunu Knisja ħajja, Knisja li tagħraf il‑missjoni tagħha u taqdiha b’ħeġġa u b’ġenerożità fid‑dinja tal‑lum”.
Prof. Nadia Delicata, Delegat għall‑Evanġelizzazzjoni u l‑persuna responsabbli mill‑grupp ta’ ħidma ta’ ‘Knisja li Toħroġ’, spjegat kif din is‑sena qed issir proposta lill‑oqsma kollha fil‑Knisja biex iħarsu lejn ir‑realtà tagħhom mill‑ġdid ħalli jagħrfu l‑prijoritajiet ta’ fejqan li l‑poplu tal-Knisja jeħtieġ. Hi qalet li dan hu proċess ta’ riflessjoni u dixxerniment miftuħ għal komunitajiet sħaħ bħalma huma l-parroċċi, movimenti, skejjel jew entitajiet oħra. Prof. Delicata stednithom iwieġbu mistoqsijiet diffiċli biex jibdew il‑proċess li jgħinhom jiġġeddu u jilħqu iktar nies bħalma bdew jagħmlu l‑iskejjel tal‑Knisja, li diġà bdew proċess twil ta’ tiġdid u dixxerniment biex jifhmu aħjar il‑missjoni tagħhom illum.
L‑Assemblea Djoċesana ntemmet b’messaġġ mill‑Arċisqof Charles Scicluna. Hu spjega li l‑Knisja toħroġ u tilħaq lin‑nies għax hi mibgħuta u anke għax il‑missjoni hi intrinsika għaliha. Iżda biex tagħmel dan, qal l-Arċisqof, il‑Knisja trid toħroġ “mill‑fosqda” fejn tinsab komda ħafna u li tibża’ toħroġ minnha. “Hi stedina ta’ riskju u vulnerabbiltà kbira imma wkoll ta’ twelid; wara kollox it‑tarbija trid toħroġ mill‑ġuf ta’ ommha.” Saħaq li hu proċess li jitlob umiltà, djalogu u kuraġġ biex taffaċċja d‑diffikultajiet li jġib proċess bħal dan. L-Arċisqof qal li fuq kollox, dan hu proċess li jżomm lil Ġesù fiċ‑ċentru tiegħu għax wara kollox hu għamilna appostli u qed jibgħatna f’ismu.
Madwar 200 parteċipant attendew fiżikament jew virtwalment għall‑Assemblea fis‑sala taċ‑Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) f’Birkirkara. Aktar tagħrif dwar il‑proċess Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed jinsab fuq vjagg.knisja.mt.