L-Isqfijiet Ewropej waqt l-Assemblea Kontinentali tas-Sinodu li saret fi Frar 2023

Madwar 40 isqof mill‑Ewropa se jattendu għall‑Assemblea Plenarja tal‑Kunsill tal‑Konferenzi tal‑Isqfijiet Ewropej (CCEE) li għall‑ewwel darba se ssir f’Malta, organizzata mill‑Konferenza Episkopali Maltija. Waqt din l‑assemblea, li kull sena ssir f’wieħed mill‑pajjiżi membri tal‑Kunsill, l‑isqfijiet se jiddiskutu t‑tema ‘Passi Ġodda għal Knisja Sinodali fl‑Ewropa’. Dan wara s‑Sinodu ppresjedut mill‑Papa Franġisku, li l‑ewwel parti tiegħu ntemmet ix‑xahar li għadda.

L‑Assemblea se tiftaħ b’diskorsi mill‑Arċisqof Charles Scicluna, in‑Nunzju Appostoliku għal Malta Savio Hon Tai‑Fai u intervent online minn Ġerusalemm mill‑Patrijarka Latin ta’ Ġerusalemm Pierbattista Pizzaballa OFM. 

L‑assemblea se tiffoka fuq tliet temi prinċipali. Il‑Kardinal Mario Grech, is‑Segretarju Ġenerali tas‑Sinodu, se jippreżenta x‑xogħol li twettaq waqt is‑Sinodu tal‑Isqfijiet ‘Għal Knisja Sinodali: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni’ u se jagħti ħjiel tal‑preparazzjonijiet li se jsiru għat‑tieni parti tas‑Sinodu li se jsir f’Ottubru 2024. 

Il‑Kardinal Jean‑Claude Hollerich SJ, Viċi President tas‑CCEE u Relatur Ġenerali tas‑Sinodu, se jitkellem dwar kif ir‑relazzjoni bejn l‑istituzzjonijiet internazzjonali u s‑sinodalità tista’ tagħti spinta ġdida missjunarja lill‑Knisja fl‑Ewropa. Il‑Kardinal Grzegorz Ryś, Arċisqof ta’ Łódź, se jagħti aġġornament dwar il‑grupp ta’ ħidma li qed jirrevedi l‑Charta Oecumenica, dokument dwar kif tista’ tiżdied il‑ħidma bejn Knejjes differenti fl‑Ewropa.

Matul dawn il‑jiem tal‑Assemblea, se jsiru tliet quddies filgħaxija u li għalihom huma mistiedna jattendu l‑Insara kollha, b’mod speċjali dawk li huma involuti fil‑missjoni tal‑Knisja.

Nhar it‑Tnejn 27 ta’ Novembru, il‑Kardinal Mario Grech se jmexxi l‑quddiesa tal‑ftuħ tal‑Assemblea Plenarja fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta, fis‑6:30pm. 

It‑Tlieta 28 ta’ Novembru, il‑Kardinal Robert Francis Prevost OSA, Prefett tad‑Dikasteru tal‑Isqfijiet, se jmexxi quddiesa fil‑Bażilka Minuri ta’ Santa Marija fil‑Mosta, fis‑6:30pm.

L‑Erbgħa 29 ta’ Novembru, l‑Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi quddiesa fil‑Katidral ta’ San Pawl fl‑Imdina, fis‑6pm. 

Il‑quddies se jixxandar fuq knisja.mt. Kulħadd hu mħeġġeġ jitlob għall‑isqfjiet f’dawn il‑jiem tal‑Assemblea Plenarja tagħhom f’Malta.

Il‑ġimgħa d‑dieħla wkoll, f’Malta se tkun qed issir konferenza oħra tas‑CCEE li għaliha se jieħdu sehem il‑konsulenti legali tal‑konferenzi episkopali Ewropej. 

Tagħrif dwar is‑CCEE

Il‑Kunsill tal‑Konferenzi tal‑Isqfijiet Ewropej hu magħmul minn 39 membru minn 45 pajjiż fl‑Ewropa. Twaqqaf fl‑1971 wara l‑Konċilju tal‑Vatikan it‑Tieni, meta 13‑il konferenza episkopali ddeċidew li janalizzaw kif jistgħu jaħdmu flimkien. L‑għan ewlieni tas‑CCEE hu li jippromwovi u jħares il‑benessri tal‑Knisja billi jrawwem l‑għaqda fost il‑Konferenzi tal‑Isqfijiet tal‑Ewropa.

Fost l‑għanijiet l‑oħra tal‑Kunsill, hemm li jippromwovi u jispira l‑evanġelizzazzjoni l‑ġdida fl‑Ewropa; li jħeġġeġ il‑komunjoni mal‑Kunsilli tal‑Konferenzi tal‑Isqfijiet ta’ kontinenti oħra; isostni l‑kollaborazzjoni ma’ Knejjes oħra fl‑Ewropa għall‑għaqda tal‑Insara u jkun ta’ xhieda ekkleżjali ħajja fis‑soċjetà Ewropea.