Il-Caritas Malta qed torganizza kompetizzjoni tal-fotografija taħt il-patroċinju tal-
Malta Photographic Society għall-okkażjoni tas-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.

Il-Kompetizzjoni, bit-tema: Ilqa’ l-isfida: Ġib il-Faqar fix-Xejn, hija miftuħa għar-risidenti kollha ta’ Malta u Għawdex u tagħlaq fit-23 ta’ Settembru, 2010.  Formoli tal-parteċipazzjoni u l-kundizzjonijiet tad-dħul jistgħu jinkisbu mill-ħwienet ewlenin tal-fotografija, il-Caritas Malta u l- Malta Photographic Society.  Din il-kompetizzjoni hija sponsorjata mill-Actavis.

Permezz ta’ din il-kompetizzjoni, fotografi li jieħdu sehem ser ikollhom l-opportunità li  permezz tal-esperjenza tagħhom  jaraw u juru permezz tar-ritratti tagħhom  faqar li aktarx ikun moħbi, bil-ħsieb li jikkumbattu l-faqar.

Jingħataw premjijiet u ċertifikati lir-rebbieħ/a u lil dawk li jiġu warajh/a fil-kategoriji tal-kulur u l-monochrome.  Huwa ppjanat li ssir esebizzjoni tar-ritratti li jiġu aċċettati għal din il-kompetizzjoni.

Din hija parti mill-kampanja tal-Caritas Malta biex toħloq kuxjenza akbar dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali, bil-ħsieb li tittiehed azzjoni minn kull min huwa kkonċernat biex kontinwament titnaqqas l-inċidenza tal-faqar.  Il-kompetizzjoni tagħti opportunità lill-fotografi biex, permezz tat-talenti tagħom, juru solidarjetà ma’ dawk f’diffikultà.