Pope Benedict XVI

“The Friends of Jesus” – “Il-ħbieb ta’ Ġesu” huwa t-titlu ta’ ktieb ġdid għat-tfal miktub mill-Papa Benedittu XVI. Fih jirrakkonta l-istorja tat-12-il appostlu u ta’ San Pawl.

Il-ktieb, li fih 48 paġna, fuq disinn tal-artist Taljan Franco Vignazia u ppubblikat mid-dar tal-pubblikazzjonijiet San Giuliano Milanese, skont L’Osservatore Romano, iġib flimkien numru ta’ passaġġi mill-katekeżijiet tal-Papa kull nhar t’Erbgħa waqt l-udjenzi ġenerali tiegħu.

Id-daħla tal-ktieb saret mis-saċerdot Spanjol Fr Julian Carron, President tal-Fraternita tal-Komunjoni u l-Liberazzjoni.

“Darba kien hemm grupp ta’ rġiel li, jum fost l-oħrajn elfejn sena ilu, iltaqgħu ma’ żagħżugħ jimxi fil-Galilija. Kull wieħed minnhom kellu x-xogħol u l-familja tiegħu, pero f’daqqa waħda, ħajjithom inbidlet. Dawn kien jisimhom Indrija u Ġwanni, Pietru, Tumas, Mattew eċċ. Kienu tnax u llum nirreferu għalihom bħala appostli… F’Ġerusalemm dak iż-żmien, kulħadd kien jaf li huma ħbieb ta’ Ġesu. Iżjed tard ingħaqad magħhom San Pawl li minn persekutur tal-insara sar wieħed mill-ikbar xhieda ta’ Kristu” – kiteb Fr Carron.

Fr Carron jispjega li l-Papa jakkumpanja lill-qarrej pass pass fl-iskoperta ta’ min kienu l-appostli, kif iltaqgħu ma’ Ġesu u x’wassalhom biex jibqgħu fidili lejh sal-aħħar.