Għadd ta’ voluntiera mill-grupp Caminiamo l-ġimgħa d-dieħla se jagħmlu l-Pellegrinaġġ ta’ San Ġakbu magħruf bħala l-Camino de Santiago fi Spanja. Id-donazzjonijiet miġbura se jmorru b’risq l-entità tal-Knisja Fondazzjoni Sebħ, biex tkun tista’ tiftaħ ċentru terapewtiku f’Santa Venera li se jgħin lit-tfal, l-adolexxenti u n-nisa li joqgħodu f’waħda mir-residenzi tal-fondazzjoni.

Il-motto tal-pellegrinaġġ ta’ din is-sena hu ‘Kull Pass Jgħodd’ b’riferiment għall-mixja nnifisha kif ukoll għal kull pass żgħir ’il quddiem li jsir waqt it-terapija. Il-mixja-pellegrinaġġ bdiet b’quddiesa mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, fil-knisja ta’ San Ġużepp Ħaddiem fix-Xemxija, u li għaliha attendew ukoll 25 parteċipant li fl-10 ta’ Settembru li ġej se jibdew il-vjaġġ lejn Spanja.

Waqt il-quddiesa, l-Isqof Awżiljarju rringrazzja lil Alla għal din il-ħidma ta’ volontarjat għaliex permezz tal-pellegrinaġġ f’Santiago de Compostela u permezz ta’ attivitajiet oħra li jsiru matul is-sena, il-grupp Caminiamo jgħin il-ħidma li Fondazzjoni Sebħ tagħmel b’risq is-soċjetà Maltija. Huwa awgura li dan il-pellegrinaġġ li qed jagħmlu b’tant ġenerożità jservi ta’ ġid għall-parteċipanti nfushom kif ukoll għall-ħidma favur il-proxxmu.

L-Isqof Awżiljarju iċċelebra quddiesa bis-sehem tal-grupp Caminiamo, fil-knisja ta’ San Ġużepp Ħaddiem, ix-Xemxija – 29/08/21 Aktar ritratti: knisja.mt/ritrratti

Il-pellegrinaġġ tal-Camino de Santiago se jdum għaxart ijiem u jintemm fil-Katidral ta’ San Ġakbu f’Galizja fi Spanja. Il-25 voluntiera mistennija jimxu madwar 265 kilometru.

Fondazzjoni Sebħ tmexxi erbat idjar residenzjali għal tfal u żgħażagħ u toffrilhom ambjent sigur ta’ trobbija u ta’ mħabba. Fondazzjoni Sebħ tmexxi wkoll xelter tat-tieni stadju li ġie inawgurat f’Mejju li għadda u li qed jilqa’ nisa u lil uliedhom li esperjenzaw xi tip ta’ vjolenza, fosthom vjolenza domestika, traffikar tal‑bnedmin, prostituzzjoni sfurzata kif ukoll abort sfurzat. Il-fondazzjoni toffri wkoll servizz ta’ ħidma soċjali ta’ prevenzjoni u sapport fil‑komunità fil‑Ħamrun u l‑Marsa.

Kull min jixtieq jgħin lil Fondazzjoni Sebħ jista’ jibgħat imejl fuq [email protected] jew iċempel fuq 22470900.