L-Arċisqof ta’ Kinshasa, il-Kardinal Laurent Monsengwo, qal li r-riżultati tal-elezzjonijiet nazzjonali riċenti għar-Repubblika Domenikana tal-Kongo, ma kinux jikkorrispondu mar-realta veritiera…lanqas ma kienu ġusti. Fi stqarrija pubblika, il-Kardinal qal li l-elezzjonijiet, mirbuħa minn Joseph Kabila, kienu nieqsa mill-kredibilita. Żied li minn għaxar kandidati, Kabila kiseb 49% tal-vot. Il-Kardinal ġibed l-attenzjoni għal rapporti kontradittorji dwar l-għadd ta’ voti li kiseb Etienne Tshisekedi, fit-tieni post bi 32% tal-voti mixħuta. Huwa appella lill-kandidati kollha sabiex iressqu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti Suprema u appella sabiex ħadd ma jdur għall-vjolenza . Huwa qal dan waqt li aċċenna għall-fatt li fil-kampanja biss kienu rrappurtati 18-il każ ta’ mewt. Qal li l-Knisja, għandha l-obbligu morali li tgħin biex tkun assigurata l-ġustizzja u sabiex il-verita toħroġ ċara.
F’iktar żviluppi, meta l-każ resaq quddiem il-Qorti Suprema, din ikkonfermat ir-riżultati tal-elezzjonijiet, u ma laqgħetx il-protesti tal-kandidati l-oħra. Din id-deċiżjoni kienet kritikata mill-Belġju u anki minn Franza.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Belġju qal li mhux se jkun qed imur għaċ-ċerimonja tal-Investitura f’Kabila. Dan, skont rapport ital-aġenzija tal-aħbarijiet AFP, waqt li esprima diżappunt għad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema. L-artiklu qal li qabel l-elezzjoni, f’Kabila kienu maħtura membri ġodda fil-Qorti Suprema, biex minn seba’ saru b’kollox 27 membru. AFP qalet ukoll li stqarrija tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fi Franza iddeskriva l-vot bħala wieħed “imbagħbas”. Dan kien ukoll espress mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Unit ital-Amerka, skont kif irrappurtat mill-Aġenzija tal-Aħbarijiet Reuters.
Kabila kien maħtur President fl-2001 meta missieru Laurent inqatel fil-gwerra ċivili tal-pajjiż. Hu rebaħ ukoll l-elezzjoni fl-2006, li wkoll qanqlet għadd ta’ dubji dwar il-kredibilita tal-proċess elettorali imħaddem.