Pope Benedict XVI

Il-Papa Benedittu XVI se jkun qed jiftaħ l-iskeda ta’ vjaġġi tiegħu tul l-2010 b’Malta bejn is-17 u t-18 t’April li ġej. Iż-żjara se tkun qed tfakkar l-1950 anniversarju min-nawfraġju ta’ San Pawl f’dil-gżira, li skont it-tradizzjoni,jingħad li saret fis-sena 60 wara Kristu. San Pawl kien fi triqtu lejn Ruma meta seħħ in-nawfraġju. Huwa kien milqugħ min-nies lokali u jingħad li qatta’ mat-tliet xhur jevanġelizza f’Malta, li għadha fil-maġġoranza tagħha kattolika.

Wara Malta, il-Papa għandu jmur il-Portugall f’Mejju li ġej, żjara li se tinkludi pellegrinaġġ lejn Lourdes. Din għandha tkun waqfa oħra fis-sensiela ta’ waqfiet li l-Papa qed jagħmel f’bażiliċi Marjani bħal Loreto fl-Italja; Altötting fil-Ġermanja; Mariazell fl-Awstrija; Aperecida fil-Brażil; Mvolye fil-Kamerun; u Pompei fl-Italja.

Ir-raba’ vjaġġ internazzjonali tal-Papa se jkun lejn ir-Renju Unit. Minkejja li d-dati għadhom ma tħabbrux uffiċjalment, hu mistenni li ż-żjara fir-Renju Unit issir bejn is-17 u d-19 ta’ Settembru li ġej. Sakemm ikun hemm, il-Papa mistenni jibbeatifika lill-Kardinal John Henry Newman, imwieled fl-1801 u li miet fl-1890. Din iż-żjara mistenni li jkollha riperkussjonijiet ekumeniċi deċiżivi fid-dawl tal-aħbar tal-20 t’Ottubru li għadda li fetħet it-triq għal Anglikani li jintegraw f’għaqda sħiħa fi ħdan il-Knisja Kattolika.

Fuq l-aġenda tal-Papa hemm ukoll erba’ vjaġġi appostoliċi fl-Italja. L-ewwel wieħed fit-2 ta’ Mejju f’Turin; f’Lulju jżur imbagħad ir-reġjun li f’April li għadda kien milqut bit-terremot; f’Settembru żjara f’Carpineto Romano għaċ-ċelebrazzjoni tal-200 anniversarju mit-twelid ta’ Papa Ljun XIII; u f’Ottubru żjara f’Palermo għal sehem fil-laqgħat mal-familji u ż-żgħażagħ.

L-2010 se tara wkoll l-għeluq tas-sena ddedikata lis-saċerdoti b’attivitajiet bejn id-9 u l-11 ta’ Ġunju f’Ruma.