L-Applikazzjonijiet għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta fil-klassijiet Kindergarten One, Kindergarten Two (Pregrade), u Year One fis-sena 2010 jistgħu jinġabru mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni, Kurja tal-Arċisqof, Floriana. Il-kriterji tal-għażla se jibqgħu kif kienu fl-aħħar snin, jiġifieri: aħwa fl-istess skola, tfal mid-Djar tal-Knisja, tlett itfal f’kull klassi fuq kriterju ta’ familja bi bżonnijiet speċjali, u l-bqija bil-polza.

Skont is-sistema li ġiet introdotta fl-1995, għal kull tifel u tifla se ssir applikazzjoni waħda biss. F’din l-applikazzjoni, il-ġenituri jindikaw il-preferenza tagħhom dwar f’liema skola jixtiequ jdaħħlu lil uliedhom. Wara t-tlugħ tal-polza, it-tfal jitqegħdu fl-iskejjel skont l-ordni li jkunu telgħu, skont il-postijiet disponibbli f’kull skola u skont il-preferenza tal-ġenituri.

Il-formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mill-Kurja tal-Arċisqof, Floriana bejn il-11 u t-13 ta’ Jannar 2010, bejn id-9.00am u nofsinhar, u bejn it-3.00pm u l-5.00pm.

Tfal li japplikaw biex jidħlu:

F’Kindergarten One iridu jkunu twieldu fis-sena 2007; It-Tnejn 11 ta’ Jannar 2010

F’Kindergarten Two (Pregrade) iridu jkunu twieldu fis-sena 2006; It-Tlieta 12 ta’ Jannar 2010

Fil-Year One iridu jkunu twiedlu fis-sena 2005. L-Erbgha 13 ta’ Jannar 2010

Id-dati u l-ħinijiet li fihom l-applikazzjonijiet ikunu jridu jiġu ppreżentati, fil-Kurja tal-Arċisqof, Floriana, jkunu mniżżlin fuq l-istess formoli.