Rappreżentanti tal-Knisja minn għoxrin nazzjon Afrikan qalu li l-Knisja għandha ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-osservazzjoni u l-monitoraġġ tal-elezzjonijiet fil-pajjiżi Afrikani. Meta nnotaw li tnax-il pajjiż fil-kontinent Afrikan huma skedati li jżommu l-elezzjonijiet qabel tmiem din is-sena, u erbatax oħra matul is-sena 2012, parteċipanti f’konferenza organizzata mill-Catholic Relief Services, CRS, flimkien mas-Simposju tal-Konferenzi Episkopali tal-Afrika u l-Madagascar, qalu li “tmexxxija fqira hi ħafna drabi l-bidu ta’ intimidazzjoni, vjolenza u kunflitti fl-Afrika waqt u wara l-elezzjonijiet”. “Iktar iva milli le, l-elezzjonijiet fl-Afrika huma manipulati bl-iskop li jissodisfaw interessi partiġġjani jew egoistiċi għad-detriment tal-ġid komuni”.
Il-parteċipanti qalu dan f’dikjarazzjoni iffirmata mill-Arċisqof Charles Palmer-Buckle ta’ Accra. Firmatarji oħra jinkludu uffiċjali tal-Kummissjonijiet Nazzjonali tal-Isqfijiet għall-Ġustizzja u l-Paċi li jinkludu dawk ta’ Wa fil-Ghana, Mutare fiż-Żimbabwe u anki Abengourou fil-Kosta tal-Ivorju.
L-istqarrija ssuktat li “fost il-kawżi ewlenin tal-vjolenza elettorali wieħed isib in-nuqqas ta’ rieda politika fl-implimentazzjoni ta’ riformi li jappoġġjaw prinċipji u prattiċi demokratiċi, amministrazzjoni u immaniġġjar partiġġjan tal-istrutturi elettorali, injoranza u illitteriżmu, faqar, u saħansitra manipulazzjoni ta’ identitajiet etniċi u taħriġ inadekwat ta’ uffiċjali elettorali”.
Il-parteċipanti temmew jgħidu li lesti joffru “riżorsi b’appoġġ għal tmexxija serja u inizjattivi għaż-żamma tal-paċi”, u jassiguraw li “dawn ir-riżorsi jintużaw b’mod effettiv, trasparenti u skont il-liġi”.