KonKatidral ta’ San Ġwann

21 ta’ Settembru, 2011

Eċċellenza Sur President ta’ Malta u Sinjura Abela,

Ħuti,

Il-bniedem minnu nnifsu jħoss il-bżonn li jfakkar dawk il-ġrajjiet li jkunu mmarkawlu ħajtu.

Meta jiftakar fihom, ma jibqgħux biss memorja iżda jfissru tiġdid u riflessjoni ġdida fuq dak li jkun għadda minnu snin qabel. Meta jgħixhom b’dan il-mod, ikun qiegħed jagħti ċans li fil-maturita’ ġdida tiegħu tas-snin li jkunu għaddew, ikun jista’ jtejjeb l-effetti ta’ dik il-ġrajja.

Il-bniedem li jemmen ifakkar dawn il-ġrajjiet ukoll b’referenza għal Alla l-imbierek li hu jemmen li jidħol fl-istorja tiegħu. Dan għandu tifsira iktar profonda għalina l-insara fid-dawl ta’ Sidna Ġesu’ Kristu li daħal fl-istorja tal-umanita’. Meta jfakkar l-avvenimenti fid-dawl tal-Vanġelu, ikun jista’ jqiegħed lilu nnifsu fid-dawl tal-Fidi biex jara x’jista’ jtejjeb. Dan jista’ jsir fil-kuntest purament personali, intern, jew fi ħdan il-familja, is-soċjeta’ jew il-Knisja.

L-Indipendenza

Illum aħna bħala Poplu qegħdin niċċelebraw Jum l-Indipendenza. Din il-ġrajja, flimkien mal-ġrajjiet l-oħra li aħna niċċelebraw bħala poplu fil-mixja tiegħu għall-identita’ proprja tal-poplu tagħna – is-7 ta’ Ġunju, Jum ir-Repubblika u Jum il-Ħelsien – ifakkruna f’dawk il-ġrajjiet, fil-persuni li kienu protagonisti tagħhom, fil-poplu li kien iċċelebrahom u fit-tifsira tagħhom.

Kull Indipendenza tfisser li wieħed jitbiegħed minn xi elementi barranin biex ikun jista’ jieħu r-riedni ta’ ħajtu f’idejh. Dan ifisser li f’dak il-mument anki r-responsabbilta’ morali taqa’ fuqu. Dan jista’ jkun ġewwa familja, meta wieħed jitlaq biex jagħmel familja, jew il-ġrajja li qegħdin infakkru llum: l-indipendenza ta’ Pajjiż.

Fil-mument tal-Indipendenza tibda sfida oħra biex issaħħaħ l-indipendenza tiegħek li tkun ħadt minn barra.   Din hija  l-isfida għal  indipendenza  ġewwinija,  fl-ispirtu.   Tista’ tinħeles esternament, iżda jekk internament – persuna jew pajjiż – tkun maħkum minn xi ħaġa li ma tħallikx tagħmel it-tajjeb, allura anki l-indipendenza esterna ma tħallix il-frott li wieħed ikun xtaq meta ħadem għaliha. Huwa dan kollu li aħna qegħdin niċċelebraw:  il-mixja tal-indipendenza sħiħa llum.

L-Aspett Nisrani

In-nisrani jkun jixtieq li jiċċelebra dawn l-avvenimenti anki fid-dawl tal-Fidi tiegħu. U jiena xtaqt li naqsam magħkom xi ħsieb spiritwali mill-Kelma ta’ Alla anki fuq dan. Il-21 ta’ Settembru huwa jum li fih niċċelebraw il-Festa ta’ San Mattew. San Mattew kien publikan, jiġbor it-taxxi mill-poplu. X’aktarx, li kien immexxi, u forsi maħkum, minn ċerti idejat marbutin mal-ħidma tiegħu: forsi l-materjaliżmu, il-kilba għall-flus, ħakma fuq l-oħrajn li kienet tagħtih il-pożizzjoni tiegħu. F’xi mument tal-ħajja tiegħu ltaqa’ miegħu Sidna Ġesu’ Kristu u qallu l-kelma ‘Ejja warajja’. San Mattew aċċetta din l-istedina u ħalla il-ħidma tiegħu u mar wara Ġesu’. Iżda nemmnu wkoll li anki l-mentalita’ tiegħu u l-valuri kellhom bdew, jinbidlu. Il-vera indipendenza tiegħu ħadha għaliex issa kellu l-liberta’ li jħobb lill-persuni u ma jħarisx lejhom bħala persuni li seta’  jisfruttahom għall-gwadann tiegħu.

Naħseb li jekk mal-Indipendenza minn ħakmiet esterni ngħaqqdu wkoll din l-isfida interna f’kull wieħed u waħda minna, il-valur ta’ dan il-Jum ikun ħafna iktar qawwi għas-soċjeta’ tagħna. Hemm ħafna modi kif wieħed jgħix u jagħmel riflessjoni fuq dan. Iżda jiena xtaqt li naqsam magħkom silta li għalija hija sinjifikattiva ħafna għal din il-mixja tagħna, l-aktar lilna miġburin hawnhekk, li b’xi mod jew ieħor għandna xi influwenza ikbar minn ħafna nies oħra fuq il-mixja tal-pajjiż għażiż tagħna.

Mattew 23

Fil-Kapitlu 23 tal-Vanġelu ta’ San Mattew hemm tagħlim li bih il-Mulej jagħti ħjiel ta’ dawk l-affarijiet li wieħed jistgħu jxekkluh milli jkompli jikber fl-umanita’ proprja tiegħu. Jiena dejjem kont naħseb li ladarba qiegħdhom fil-Vanġelu tiegħu, anki San Mattew żammhom quddiemu biex minn pubblikan isir dixxiplu tal-Mulej Ġesu’.

Dan il-kapitlu jitkellem min-nuqqasijiet tal-kittieba u l-Fariżej. Fih innifsu dan il-kapitlu ma tantx kien jogħġobni għaliex Ġesu’ juri l-iżbalji tal-Fariżej fil-ħidma tagħhom. Il-Fariżej kienu l-għorrief tal-Liġi, persuni li n-nies kienu jħarsu lejhom bħala gwida. Fhimt li l-pożizzjoni tiegħi bħala saċerdot, u issa bħala Isqof, tqiegħdni f’din il-kategorija. Drajt napprezzah aktar dan il-Kapitlu għaliex bdejt nirraġuna li ladarba Ġesu’ tkellem, ma tkellimx biex isawwat, iżda biex jiftah il-għajnejn lejn dak li l-Fariżej kienu qegħdin jagħmlu ħażin. U bdejt nifhem li dan il-kliem tiegħu għandu jgħodd f’kull żmien u f’kull post għal dawk li b’xi mod jew ieħor għandhom xi awtorita’: anki għalija.

Nixtieq li naqsam xi idejat ta’ Ġesu’ magħkom, għaliex lili jiswewli ħafna bħala gwida fuq ir-risponsabbiltajiet tiegħi. Forsi anki għal min ma jemminx fil-Mulej Ġesu’, dawn il-kliem jistgħu jkunu ta’ ġid bħala gwida.

It-tagħlim ta’ Ġesu’

Ħa nikkwota xi siltiet minn dan il-Kapitlu u nikkumenta fil-qosor fuqhom.

Ġesu’ jgħid: “Kliem biss għandhom, imma fatti xejn”: Huwa ovvju li fil-komunikazzjoni u fil-mixja ‘l quddiem, kemm il-kliem u kemm il-fatti huma neċessarji. Ġesu’ qiegħed jgħidilna hawn għal meta nużaw il-kliem biss u nħallu dan ikun tfixkil biex nagħmlu l-fatti. Qiegħed jgħidilna għal meta nużaw il-kliem bħala mezz biex nikkonvinċu lil ħaddieħor, forsi anki b’wegħdiet, iżda li ma nwettquhomx.

Ġesu’ jgħid: “Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jsiru jħarrkuhom”. Il-pożizzjonijiet ta’ awtorita’ dejjem jagħtuk iċ-ċans ta’ xi poter fuq il-ħajja tal-oħrajn. Dan jista’ jkun għat-tajjeb iżda hemm il-possibbilta’ li wieħed ma jibqax konxju ta’ dak li jkun qiegħed jgħabbi fuq l-oħrajn anki nġustament, l-aktar meta jidher id-distakk bejn it-toqol ta’ min għandu l-awtorita’ u dak fuq id-dgħajjef.

Ġesu’ jkompli jgħid: “Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies”, “iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed”. Dawn il-kliem iqiegħdu quddiemna l-attitudni tagħna quddiem l-glorja u l-unuri. Hemm unur li wieħed jagħti lilu nnifsu, u hemm unur li jingħata min-nies għall-onesta’ u l-ħila vera.

Ġesu’ jgħid: “… intom tħallux min isejjħilkom Rabbi, … Missier,… Mexxejja…;  Għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa…”. Il-Mulej ried ifakkarna li kulħadd irid iżomm punt ta’ referenza fuqu nnifsu ma’ min jitkejjel, f’dan il-każ, lil Alla. Jekk wieħed ma jkollux punt ta’ referenza barra minnu, isir hu il-punt tar-riferiment, bil-konsegwenzi li dan jista’ jġib. Il-konsegwenzi jidhru fl-istorja: jew li jsir tirann, jew relativista.

Ġesu’ jgħid: “tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-aqwa fil-Liġi, jiġifieri il-ġustizzja, il-ħniena u s-sinċerita”. Dawn huma l-virtujiet li jagħmlu soċjeta’ iktar umana: ġustizzja biex tagħti lil kull wieħed dak li hu tiegħu, u li ġej mid-dinjita’ proprja tiegħu bħala bniedem; ħniena għaliex hemm xi wħud li jridu għajnuna biex jirnexxilhom jieħdu dak li hu tagħhom; sinċerita’ għaliex irid ikun hemm kontinwita’ bejn il-moħħ, il-kliem u l-għemil tal-persuni biex dan iseħħ.

Ġesu’ jkompli jgħid: “it-tazza l-ewwel naddafha minn ġewwa, biex imbagħad tkun nadifa minn barra wkoll”. Il-veru ġlieda għas-sewwa u t-tajjeb issir l-ewwel fil-qalb u l-kuxjenza ta’ kull bniedem. Forsi dan jgħodd iktar illum fil-kuntest tal-Mezzi ta’ Komunikazzjoni soċjali, li jimbuttawna iktar għall-‘image’ tagħna milli għas-sinċerita’ u l-onesta’.

Konklużjoni

Anki l-Indipendenza u s-sovranita’ ta’ pajjiż jiddependi minn din is-solidarjeta’ fl-għemil ta’ kull ċittadin. Inkunu ħafna iktar mexjin lejn Indipendenza vera meta nifhmu li kull għemil ħażin għandu l-effetti tiegħu fuq l-oħrajn, kif  kull għemil tajjeb u ġust għandu wkoll l-effett fuq l-oħrajn ukoll. L-indipendenza hija l-ġabra ta’ dan kollu, tar-risponsabbilta’ personali ta’ kull wieħed u waħda minna.