Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tinnota b’sodisfazzjon l‑approvazzjoni ta’ mozzjoni mill‑Parlament Malti li tiddikjara emerġenza fil‑klima.

Is‑sodisfazzjon tal‑KA għall‑pass li ħadet l‑ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna b’din id‑deċiżjoni ttappan bil‑kbir meta lbieraħ tħabbret id‑deċiżjoni li l‑Awtorità tal‑Ippjanar approvat applikazzjoni biex binja mitluqa fuq art barra ż‑żoni tal‑iżvilupp ġewwa l‑Qala Għawdex tinbidel f’villa moderna. Il‑KA ttenni li deċiżjonijiet bħal dawn juru insensitività kbira min‑naħa tal‑awtorijiet għall‑wirt naturali tal‑gżejjer tagħna u għal serħan il‑moħħ tal‑Maltin u l‑Għawdxin kollha, u tqisha bħala qabża lura mill‑aħbar tajba li kellna għaxart ijiem ilu. Fuq kollox, il‑fatt li d‑deċiżjoni jidher li ttieħdet fuq premessa żbaljata jkompli jħawwad l‑imħuħ u jinkwieta lil kull min huwa ta’ rieda tajba.

Il‑KA ssostni l‑fehma tagħha li l‑mod kif qed jittieħdu dawn id‑deċiżjonijiet juri li l‑prijorità aktar qed jeħodha min għandu interess li jħaxxen butu milli l‑komunitajiet, b’mod li l‑wirt naturali ta’ pajjiżna, minflok ma qegħdin nipproteġuh, qed naraw kif nisolħuh.

Dwar il‑klima, il‑Kummissjoni tittama li, issa li l‑Parlament għaraf l‑emerġenza li fiha ninsabu, tittieħed mill‑aktar fis azzjoni urġenti biex pajjiżna jagħti sehmu ħalli titħares sewwa din id‑dar komuni tagħna. L‑urġenza li jittieħed kull pass biex inrażżnu t‑tibdil klimatiku, m’għandhiex titħalla biss imniżżla fil‑minuti tal‑laqgħa tal‑Kamra tad‑Deputati, imma tissarraf f’azzjoni immedjata għall‑ġid tal‑ġenerazzjoni ta’ issa u tal‑ġejjieni. Dwar il‑protezzjoni vera tal‑wirt naturali tal‑pajjiż, il‑KA tħeġġeġ lill‑Parlament kollu, partikolarment lill‑Kumitat Parlamentari tal‑Ambjent, Tibdil fil‑Klima u Ippjanar tal‑Iżvilupp, biex jagħmel minn kollox ħalli jiżgura li deċiżjonijiet skandalużi bħal dik tal‑Qala ma jerġgħux iseħħu.

Il‑KA appellat diversi drabi għar‑reviżjoni tar‑Rural Policy and Design Guidance, li permezz tagħha ġie approvat dan l‑iżvilupp. Dan għaliex din il‑policy qed toħloq u se tkompli toħloq sfreġju fil‑kampanja tal‑Gżejjer Maltin. Dan l‑appell s’issa waqa’ fuq widnejn torox u d‑dewmien fit‑tibdil ta’ din il‑policy (bħal fil‑każ tal‑policy dwar il‑pompi tal‑petrol) se jkompli jaġevola lil kull min ma jinteressahx mill‑protezzjoni tal‑ambjent naturali. La l‑Awtorità tal‑Ippjanar, la l‑Gvern li japprova l‑policies tal‑Ippjanar, u lanqas il‑Parlament li japprova l‑liġijiet li jirregolaw l‑iżvilupp u l‑protezzjoni tal‑ambjent, ma jistgħu jaħarbu minn din ir‑responsabbiltà. Il‑ballun huwa f’saqajhom.

Sadanittant il‑KA tħeġġeġ lill‑Awtorità dwar ir‑Riżorsi u l‑Ambjent biex tappella b’mod rigoruż mid‑deċiżjoni dwar l‑iżvilupp fil‑Qala, deċiżjoni li tweġġa’ lil kull min għandu għal qalbu l‑protezzjoni tal‑kampanja tal‑Gżejjer Maltin.    

Il‑Kummissjoni tfakkar ukoll f’dak li qal il‑Papa Franġisku fil‑15 ta’ Jannar 2015: “Alla jaħfer dejjem, aħna – il‑bnedmin – naħfru kultant, in‑natura ma taħfirha qatt. Jekk int issawwatha, meta jmiss lilha tagħmillek l‑istess.”