Ġew ippublikati r-Regolamenti għad-dħul għall-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex u ser jiftħu l-applikazzjonijiet għall-‘Applikanti Oħra’ għall-iskejjel tal-Knisja f’Malta, għas-sena skolastika li tibda f’Settembru li ġej. 

In-numru ta’ postijiet fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta għall-‘Applikanti Oħra’ huwa ta’ 835. L-applikazzjonijiet għal dawn il-postijiet vakanti qed jintlaqgħu online mid-29 ta’ Jannar sat-12 ta’ Frar. L-applikazzjonijiet isiru fuq knisja.mt/applikazzjonijiet. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 7999 0224, 7951 5491 jew 7786 5241 jew jibgħat email fuq [email protected]. Applikazzjonijiet tard jintlaqgħu fuq l-istess website bejn it-22 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu. 

Dawn l-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu wara li f’Novembru li għadda ġew ippublikati r-regolamenti u wara li ntlaqgħu l-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju li jinkludu: tfal mid-djar tal-Knisja, dawk li għandhom ħuthom fi skola tal-Knisja, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja, u studenti minn skola tal-Knisja bla kontinwità. In-numru ta’ applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju li ser jokkupaw post huwa ta’ 786. Għalhekk, minn total ta’ 1,621 post vakanti għas-sena skolastika 2021-2022, issa baqa’ 835 post għall-‘Applikanti Oħra’ (ara t-tabella f’paġna 2). 

Il-proċess għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja. Din is-sena hemm ftuħ ukoll fir-raba’ sena primarja għall-bniet. Lista tad-dokumenti meħtieġa, il-ġranet meta wieħed għandu japplika u aktar dettalji jinsabu fir-Regolamenti għad-Dħul fl-iskejjel tal-Knisja fuq www.knisja.mt. 

Id-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex huwa fl-ewwel sena kindergarten u fl-ewwel sena sekondarja. It-total ta’ postijiet li qed joffru l-iskejjel fl-ewwel sena kindergarten huwa ta’ 108 u fl-ewwel sena sekondarja huwa ta’ 144. Dawk tal-ewwel kriterju jsiru bejn il-5 ta’ Frar u l-15 ta’ Frar, u l-applikazzjonijiet tat-tieni kriterju jsiru bejn l-1 ta’ Marzu u t-8 ta’ Marzu. L-applikazzjonijiet isiru online fuq church.mt/gozoapplications. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 7999 0271 jew jibgħat email fuq [email protected].

Tabella: Postijiet vakanti għall-‘Applikanti Oħra’ fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta 

 Sena Postijiet Vakanti
Subien  
Postijiet Vakanti
Bniet
Total Postijiet
Vakanti
L‑ewwel sena kindergarten 17 25 42
It‑tieni sena kindergarten 86 246 332
L‑ewwel sena primarja 165 122 287
Ir‑raba’ sena primarja 22 22
L‑ewwel sena sekondarja 113 39 152
TOTAL 381 454 835