L‑Arċidjoċesi ta’ Malta ssospendiet applikazzjoni mal‑Awtorità tal‑Ippjanar biex tiġi rijabilitata proprjetà abbandunata fir‑Rabat. Dan sabiex jiġu ċċarati xi punti mqajma mill‑Awtorità għall‑Ambjent u r‑Riżorsi (ERA), u li kienu s‑suġġett ta’ rapporti skorretti fil‑media.

L‑applikazzjoni mressqa mill‑Arċidjoċesi tipproponi li residenza ta’ sular wieħed terġa’ ssir abitabbli. Dan wara li ttieħdet lura minn persuni li okkupaw il‑post illegalment. Qed jiġi propost ukoll li jiġu indirizzati l‑illegalitajiet li twettqu mill‑istess persuni fuq dan is‑sit, li jinsab biswit proprjetà ta’ terzi u viċin binjiet oħra.

L‑interventi proposti la se jbiddlu l‑footprint tal‑binja eżistenti u lanqas mhu se jiżdiedu sulari oħra. Għall‑kuntrarju, ir‑rijabilitazzjoni se ttejjeb din iż‑żona u tirrispetta aktar l‑ambjent tal‑madwar.

Il‑miżuri jinkludu l‑bdil ta’ saqaf eżistenti tal‑konkos ta’ aktar minn 50 metru kwadru u floku jsir saqaf tal‑injam bl‑insulation; ir‑restawr ta’ taraġ tal‑ġebel li jinsab fuq barra; u l‑bini ta’ ġibjun li se jieħu kwazi nofs il‑post ta’ gallinar mitluq li kien hemm qabel. Il‑ġibjun se jintuża għat‑tisqija tal‑ġnien.

Fuq din l‑art mhu se jsir l‑ebda skavar. Is‑siġar u l‑arbuxelli li diġà hemm mhumiex se jitneħħew u se jitħawlu aktar siġar indiġeni fosthom siġar taċ‑ċitru, tal‑arżnu (pine), tal‑oleandru u bougainvillea.

Fiż‑żmien li ġej se jsiru aktar studji arkeoloġiċi kif ukoll reviżjonijiet żgħar fl‑applikazzjoni, inkluż li tiġi kkunsidrata mill‑ġdid il‑proposta ta’ pixxina b’tul ta’ ħames metri fuq il‑ġibjun.