• Il-Knisja f’Malta qed trodd ħajr lil Alla għall-40 anniversarju mill-Ordinazzjoni Episkopali tal-Arċisqof Emeritu Mons. Ġużeppi Mercieca. Għal din l-okkażjoni, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser jiċċelebra Quddiesa fil-Katidral tal-Imdina, nhar it-Tnejn 29 ta’ Settembru, fis-6.30 p.m. In-Nunzju Appostoliku, Mons. Aldo Cavalli, l-Isqof Mario Grech, l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna u l-Isqof Joe Alessandro O.F.M. Kapp. ser jikkonċelebraw, filwaqt li l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca ser jassisti matul il-Quddiesa. L-Insara huma mistiedna u mħegga jattendu għal din il-Quddiesa ta’ ringrazzjament lil Alla għas-servizz li Mons. Mercieca offra lill-Knisja tul dawn l-aħħar 40 sena. 

  • Mons. Ġużeppi Mercieca nħatar Isqof Awżiljarju ta’ Malta fis-27 ta’ Lulju 1974 u kkonsagrat isqof fid-29 ta’ Settembru tal-istess sena, wara ħames snin fis-servizz tas-Sacra Romana Rota fil-Vatikan, bħala mħallef. Kien Vigarju Ġenerali sa meta ġie nominat Arċisqof ta’ Malta fid-29 ta’ Novembru 1976. Ħa f’idejh it-tmexxija tal-Arċidjoċesi ta’ Malta fit-12 ta’ Diċembru 1976. Ġie nominat konsultur tas-Sacra Romana Rota fl-1992 u aktar tard imħallef fis-Segnatura Apostolica. Fil-11 ta’ Novembru 2003, Monsinjur Arċisqof offra lill-Qdusija Tiegħu l-Papa r-riżenja tiegħu minn Arċisqof ta’ Malta, skont kif titlob il-Liġi tal-Knisja. Huwa serva bħala ragħaj spiritwali tal-Knisja f’ Malta sas-26 ta’ Jannar 2007. Mons. Ġużeppi Mercieca llum għandu 85 u jgħix fir-residenza tal-Arċisqof, l-Imdina.

    Il-Quddiesa ta’ radd il-ħajr ta’ nhar it-Tnejn 29 ta’ Settembru ser tixxandar fuq TVM2, Rtk u Radju Marija.

  • Ritratt: Photocity
    www.photocitymalta.com