L‑Arċisqof Charles Scicluna temm żjara pastorali ta’ jumejn f’Londra, fejn iltaqa’ mal‑pazjenti Maltin u qrabathom li bħalissa qed jingħataw kura fl‑Ingilterra.

Matul din iż‑żjara, l‑Arċisqof iltaqa’ ma’ wħud mill‑Maltin residenti f’Puttinu House f’Sutton. Hemmhekk iċċelebra quddiesa u ħeġġeġ lill‑pazjenti sabiex ma jiqfux ifittxu lil Ġesù għaliex hu biss jista’ jfejjaq mill‑qtigħ il‑qalb u l‑biża’ li xi drabi jaħkmu lill‑bniedem. 

L-Arċisqof Scicluna żar il-Maltin li jinsabu rikoverati fl-isptar Royal Marsden u qatta’ wkoll ftit ħin mat-tfal li qed jingħataw kura fl-Isptar Great Ormond Street, fejn għammed ukoll żewġ trabi: Maltija li twieldet ftit jiem ilu f’Londra u tarbija Indjana ta’ madwar tliet xhur. Lill-pazjenti, il-qraba u anke lill-ħaddiema tal-isptarijiet, l-Arċisqof tahom kuruna tar-rużarju sabiex il-Madonna tkun ta’ faraġ u tama għalihom ilkoll.

L‑Arċisqof faħħar il‑ħidma ta’ Puttinu Cares talli jipprovdi akkomodazzjoni u appoġġ lill‑Maltin f’dawn il‑mumenti diffiċli. Irringrazzja lis‑Sorijiet Franġiskani tal‑Qalb ta’ Ġesù kif ukoll lill‑Patrijiet Franġiskani Konventwali, Patri Mario Sant u Patri Joseph Formosa, li ilhom għal dawn l‑aħħar 9 snin jagħtu sapport morali u spiritwali lill‑komunità Maltija li teħtieġ kura speċjalizzata fir‑Renju Unit.

L-Arċisqof flimkien mas-Sorijiet Franġiskani tal‑Qalb ta’ Ġesù u mal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, Patri Mario Sant u Patri Joseph Formosa.