L‑Arċisqof Charles Scicluna dalgħodu żar il‑bini ta’ St Michael Hospice f’Santa Venera li wasal fl‑aħħar stadji ta’ tlestija tiegħu u mistenni jilqa’ l‑ewwel pazjenti lejn l‑aħħar tas‑sena. Il‑bini, li qabel kien magħruf bħala l‑Istitut Adelaide Cini u jkopri madwar 15‑elf metru kwadru ta’ art, ingħata mill‑Knisja lil Hospice Malta fl‑2018. Dan sabiex ikun l‑ewwel kumpless f’Malta li jipprovdi kura paljattiva ħolistika u jirrispetta d‑dritt tal‑ħajja u d‑dinjità tal‑bniedem. St Michael Hospice se jservi bħala l‑bini ewlieni ta’ Hospice u se joffri servizzi ta’ in‑patient, terapija matul il‑jum u servizzi fil‑komunità.
Iż‑żjara mill‑Arċisqof saret bi preparazzjoni għall‑maratona ġbir ta’ fondi b’risq Hospice Malta li se ssir il‑Ħadd, 9 ta’ Lulju 2023. Id‑donazzjonijiet miġbura se jgħinu fit‑tlestija ta’ St Michael Hospice u se jgħinu wkoll lil Hospice tkompli toffri servizzi mingħajr ħlas lil eluf ta’ pazjenti li jbatu mill‑kanċer, motor‑neuron diseases, u mard terminali ieħor.
L‑Arċisqof Scicluna qal: “Huwa privileġġ għalija li jkolli l‑opportunità nżur St Michael Hospice li wasal biex jitlesta. Il‑Knisja f’Malta tappoġġja bi sħiħ il‑valuri u l‑missjoni tal‑Hospice, li tagħmel ħilitha biex toffri servizzi u dinjità lil individwi li għandhom bżonn kura paljattiva. L‑Arċidjoċesi ta’ Malta b’ġenerożità tat donazzjoni tal‑art u l‑bini tal‑Istitut Cini, illum stmata €25 miljun, għall‑użu ta’ Hospice. Barra minn hekk, l‑Arċidjoċesi tħeġġeġ lil kulħadd sabiex jappoġġja l‑missjoni siewja ta’ Hospice.”
Il‑kmamar f’St Michael Hospice huma ddisinjati b’tali mod li jiżguraw ambjent kalm u paċifiku għall‑pazjenti filwaqt li jipprovdu wkoll il‑kura medika kollha meħtieġa. Il‑qraba se jkunu jistgħu wkoll joqogħdu mal‑għeżież tagħhom, filwaqt li jgawdu l‑ġonna u l‑btieħi tal‑madwar li joffru ambjent terapewtiku pożittiv. Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll fergħa edukattiva sabiex isir skambju ta’ għarfien ma’ ċentri oħra ta’ kura paljattiva f’diversi pajjiżi madwar id‑dinja.
St Michael Hospice se jiġi jiswa madwar €14 miljun u hu parzjalment kofinanzjat mill‑Gvern, mill‑Unjoni Ewropea, mill‑Fond Soċjali u ta’ Żvilupp Nazzjonali, fundraising u donaturi oħra. Kull min jixtieq jikseb iktar informazzjoni dwar St Michael Hospice jew jgħin lil Hospice Malta fil‑missjoni tagħha, jista’ jżur hospicemalta.org.