The Soup Kitchen OFM Valletta hija r-rebbieħa tal-Premju taċ-Ċittadin Ewropew tal-2023, wara li ġiet innominata mill-Membru Parlamentari Ewropew David Casa.

Din is-soup kitchen kienet bdiet topera wara li l-komunità Franġiskana rrestawrat refettorju antik fil-Kunvent tal-Franġiskani fi Triq Sant’Ursula fil-Belt Valletta. Hawn wieħed anke jistà anke jinħasel u jaħsel ħwejġu.

30,450 persuna u 220 tifel u tifla kielu 91,350 ikla ta’ nofsinhar li s-Soup Kitchen tal-Belt Valletta ippreparat matul l-2022, bil-maġġoranza assoluta (86%) kienu Maltin.

Apparti l-91,000 ikla ta’ nofsinhar li s-soup Kitchen ippreparat matul l-2022, għamlet ukoll 27,000 packed lunch biex dawk li jmorru hemm ikunu jistgħu jieħduh magħhom biex jiekluh filgħaxija.

Il-Membru Parlamentari Ewropew faħħar dan l-isforz, u qal li “nies bħal Dun Marcellino huma minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u jassiguraw li dawk fil-periferija ma jsofrux iċ-ċaħda mill-bżonnijiet materjali bażiċi.” “Huwa eżempju ewlieni ta’ solidarjetà Ewropea fost iċ-ċittadini,” kiteb Casa fin-nomina.

Bl-għajnuna tad-donazzjonijiet u l-voluntiera, il-proġett ħoloq komunità ta’ solidarjetà u apprezzament soċjali biex tinżamm id-dinjità ta’ dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Fil-qalba tal-proġett hemm it-twemmin għall-aktar dritt fundamentali Ewropew: id-dinjità tal-bniedem.

“Il-Patrijiet Franġiskani bdew joperaw il-proġett Soup Kitchen OFM Valletta fl-2021, ftit wara li l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel wasslet lil dawk fil-periferija biex ifittxu l-għajnuna,” iddikjara Casa. Hu kien mexxa n-negozjati dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) bħala parti mir-regolament tal-FSE+, u qal li l-inflazzjoni tal-ikel hija sfida urġenti fl-ekonomija tal-lum.

Is-sena l-oħra, Casa nnomina lid-Daphne Foundation għall-kontribut tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja, u li mbagħad intgħażlet bħala rebbieħa tal-2022.

Sors: Newsbook.com.mt