L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Mons. Jesmond Manicaro bħala Vigarju Episkopali għal‑Liturġija.

Mons. Jesmond Manicaro twieled Raħal Ġdid nhar is‑27 ta’ Awwissu 1964. Studja fl‑Università ta’ Malta mnejn kiseb Baċellerat fit‑Teoloġija u Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali. Kompla l‑istudji tiegħu fl‑Istitut Pontifiċju Liturġiku ta’ San Anselmo f’Ruma mnejn kiseb il‑Liċenzja u d‑Dottorat fil‑Liturġija. Hu ġie ordnat saċerdot nhar il‑5 ta’ Lulju 1991. Serva fil‑parroċċi ta’ Ħaż‑Żebbuġ, Santa Luċija, u Bormla. Bħalissa qed jaqdi l‑ministeru pastorali tiegħu bħala rettur tal‑Knisja tal‑Erwieħ f’Ħal Tarxien. Kien ukoll lettur fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta u sa mis‑sena 2000 delegat tal‑Arċisqof għal‑Liturġija.

Il‑missjoni tal‑uffiċċju tal‑Vigarju Episkopali għal‑Liturġija hi li jieħu ħsieb iċ‑ċelebrazzjoni tal‑quddiesa, tas‑sagramenti u s‑sagramentali l‑oħra kif ukoll il‑Liturġija tas‑Sigħat. Dan il‑vigarjat jippromwovi liturġija attiva li tħalli l‑frott. Dan billi jipprovdi formazzjoni għall‑Insara kollha kif ukoll il‑mezzi meħtieġa biex il‑liturġija tkun iċċelebrata bl‑aqwa mod fil‑komunitajiet kollha, hekk kif il‑liturġija hi l-għajn u l‑quċċata tal‑ħajja tal‑Knisja.Fi kliem il‑Papa Franġisku, il‑liturġija tagħtina l‑possibilità niltaqgħu ma’ Kristu, u b’hekk jistieden lil kulħadd biex jiskopri u jgħix il‑verità tal‑qawwa taċ‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi.