Illejla, waqt il‑Vġili Solenni tal‑Qawmien tal‑Mulej mill‑Imwiet fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, l‑Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra s‑Sagramenti tad‑Dħul fil‑Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) lil 14‑il katekumenu, jiġifieri persuni li f’età adulta jagħżlu l‑ħajja Nisranija. L-14‑il adult, li llejla b’dawn is‑sagramenti se jsiru membri ġodda tal‑Knisja Kattolika, huma mill‑Albanija, iċ‑Ċina, l-Indja, il‑Kolumbja, Malta, Mauritius u r‑Renju Unit. Dawn il‑katekumeni temmew il‑programm tar‑Rit għad‑Dħul tal‑Adulti fil‑Ħajja Nisranija.

Matul ir‑Randan, dawn il‑persuni ltaqgħu mal‑Arċisqof bi tħejjija għal dan il‑mument importanti f’ħajjithom. Waħda minnhom hi Manisha, imwielda f’Mauritius u li trabbiet f’familja bi twemmin Hindu. Minn meta kienet żgħira esperjenzat diversi kriżijiet spiritwali u ħasset il-ħtieġa ta’ xi ħaġa iktar profonda. Iżda kollox inbidel tmien snin ilu, meta ġiet tgħix Malta u mdawra b’ħafna knejjes u kappelli, għelbitha l‑kurżità u daħlet fihom. Ġurnata wara l‑oħra ħasset il‑preżenza ta’ qawwa kbira u bdiet tqatta’ iktar ħin titlob fil‑paċi.

Is‑sejħa biex tikkonverti għall‑Kattoliċiżmu saret iktar b’saħħitha meta tgħallmet dwar in‑nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta. Bdiet taqra fil‑fond il‑Bibbja u permezz tagħha skopriet l‑indiema, il‑maħfra, is‑salvazzjoni u s‑sagrifiċċju li Ġesù għadda minnhom sabiex isalva l‑bniedem. F’dawk il‑mumenti rrealizzat li titlob lil ħafna allat u idoli mhijiex ir‑reliġjon li xtaqet tkompli tħaddan. F’Malta, Manisha saret ħbieb ma’ mara li kienet tħeġġiġha ssir Kattolika, u llejla se tkun il‑parrina tagħha.

Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Vġili tal‑Għid, immexxija mill-Arċisqof Scicluna, tibda fit‑8pm u tinkludi:  it‑tberik tan‑nar li jsir fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral ta’ San Ġwann u tkompli bit‑tħabbira tal‑Għid; il‑qari ta’ siltiet mill‑Kotba Mqaddsa, il‑kant tal‑Glorja u t-tħabbira tal-Hallelujah li jwasslu għat‑Tħabbira tal‑Evanġelju; it‑tberik tal‑ilma, jiġifieri meta l‑blandun mixgħul min‑nar imbierek fuq iz‑zuntier jiddaħħal fl‑ilma; u l‑liturġija tal‑Ewkaristija.

Bl‑ilma mbierek jitgħammdu l‑katekumeni li jirċievu wkoll il‑Griżma tal‑Isqof biż‑żejt tal‑Griżma li ġie kkonsagrat nhar Ħamis ix‑Xirka filgħodu. Waqt l‑istess Vġili, l‑imgħammdin ġodda jirċievu t‑tqarbin. Fil‑Knisja Kattolika dawn is‑sagramenti huma l‑pedament li fuqhom tinbena l‑ħajja tal‑membri tagħha u li jħejju t‑triq għas‑sagramenti l‑oħra.

Din iċ‑ċelebrazzjoni tixxandar fuq TVM News+, RTK 103, knisja.mt u Newsbook.com.mt.