L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ltaqa’ ma’ wħud mill‑ommijiet li bħalissa qed jgħixu fir‑residenza Dar Tgħanniqa ta’ Omm, il‑Mosta, li tgħin nisa u tfajliet li minkejja d‑diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom jagħżlu l‑ħajja tat‑tarbija fil‑ġuf. Din id‑dar, li hija mmexxija mill‑Fondazzjoni Life Network, toffri kenn lin‑nisa tqal sa sena wara li titwieled it‑tarbija, u dawn jibqgħu jiġu akkumpanjati sakemm il‑mara flimkien ma’ binha jew bintha, terġa’ ssib saqajha fis‑soċjetà.
Waqt iż‑żjara, l‑Arċisqof Scicluna faħħar il‑ħidma ta’ din il‑fondazzjoni li qed tgħin lin‑nisa u lit‑tarbija tagħhom. Fakkar kif il‑Papa Franġisku jsejħilna nagħtu xhieda tat‑tagħlim ta’ Sidna Ġesù Kristu bil‑ħidma li nwettqu ma’ dawk fil‑bżonn. L‑Arċisqof appella lis‑soċjetà Maltija tħares id‑dritt tal‑ħajja, u biex toffri xibka ta’ solidarjetà lil dawk l‑ommijiet li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli.
Christie Zammit, l‑amministratriċi tad‑dar, qalet li filwaqt li matul l‑2020 Dar Tgħanniqa ta’ Omm għenet biex jiġu salvati 30 tarbija minn tqala mhux mistennija, fl‑ewwel sitt xhur ta’ din is sena diġà għenet iżjed ommijiet u trabi mis-sena ta’ qabel. Hi spjegat lill‑Arċisqof kif taħdem din id‑dar u s‑servizzi l‑oħra li toffri l‑fondazzjoni, fosthom servizz ta’ online chat u linji tat‑telefown għas‑sapport, kif ukoll servizz ta’ counselling. Spjegat li l‑fondazzjoni toffri wkoll servizz ta’ tqassim ta’ ikel, ħalib u ħrieqi lill‑familji, qabel u wara t‑tqala skont il‑bżonnijiet tagħhom. Appellat lin‑nisa u l‑familji li jinsabu fi kriżi waqt it‑tqala biex ifittxu l‑għajnuna billi jċemplu fuq 20330023.
Dr Miriam Sciberras, iċ‑Chairperson tal‑fondazzjoni, spjegat il‑viżjoni u x‑xogħol li jsir minn Life Network, kif ukoll il‑kampanji ta’ għarfien li jsiru sabiex il‑pubbliku jinżamm infurmat dwar l‑importanza li nipproteġu l‑ħajja.
Min jixtieq jgħin lill‑Fondazzjoni Life Network biex tkompli l‑ħidma tagħha mal‑ommijiet li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli jista’ jċempel fuq 77115433 jew jagħmel kuntatt permezz tal‑paġna fuq Facebook LifeNetwork Foundation Malta.