L-Arċisqof Charles Scicluna, meqjus bħala l-investigatur ewlieni tal-Papa Franġisku dwar abbużi mill-kleru, irrikonoxxa l-frustrazzjonijiet ta’ vittmi ta’ abbużi minħabba l-kultura stretta ta’ segretezza li għandu l-Vatikan fejn jidħlu isqfijiet Kattoliċi akkużati b’imġieba ħażina jew li ħbew dawn il-każijiet.

F’intervista man-National Catholic Reporter, ġurnal Kattoliku meqjus wieħed mill-iżjed progressivi fl-Istati Uniti tal-Amerika, Mons. Scicluna stqarr li l-Vatikan għadu ma wasalx f’dak li hu sejjaħlu “l-aħjar punt” fil-mod kif isegwi l-vittmi tal-abbużi, u sejjaħ il-materja “xi ħaġa li għad trid tkompli tiġi żviluppata”.

L-Arċisqof Scicluna, li hu s-Segretarju Aġġunt tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, u investiga diversi każijiet ta’ abbużi fid-dinja, qal li “ħafna mit-tbatija li rajt hi meta l-vittmi jitħallew fl-għama u jibqgħu ma jisimgħu xejn dwar dak li jkunu rrappurtaw”.

“Aħna għandna liġi u sistema li jħeġġu lin-nies jirrappurtaw l-abbużi jew imġiba ħażina, imma int għandek dritt ukoll tkun taf x’ġara mir-rapporti tagħhom”, sostna.

L-Arċisqof Scicluna kien qed iwieġeb f’intervista dwar il-kwistjoni ta’ kif il-Vatikan mexa fil-każ tal-Isqof Franċiż Michel Santier, li rriżenja mit-tmun tad-Djoċesi ta’ Créteil f’Jannar 2021. Għalkemm Santier għall-bidu qal li kien qed iwarrab minħabba raġunijiet ta’ saħħa, bosta ġurnali Franċiżi iktar tard irrappurtaw li l-isqof kien taħt investigazzjoni mill-Vatikan għal allegat abbuż spiritwali u sesswali fuq tal-inqas żewġt irġiel fis-snin disgħin.

Waqt li Mons. Scicluna qal li ma setax jikkummenta fuq il-każ ta’ Santier speċifikament, hu żied: “Nifhem li dawn is-sitwazzjonijiet jikkawżaw frustrazzjoni u wieħed iħossu mitluf”.

Fl-intervista ta’ 45 minuta mogħtija fil-5 ta’ Jannar, l-Arċisqof Scicluna ffoka primarjament fuq il-legat tal-mibki Papa Benedittu XVI, u fuq il-ħidma tiegħu qrib kemm tal-Papa Ġermaniż u kemm ta’ Franġisku. Hu kien diġà membru tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi fis-snin 2000 taħt il-Kardinal Ratzinger, meta dan kien Prefett, u issa wkoll qed jaħdem qrib tal-Papa  Franġisku u għen biex jiġi organizzat is-summit storiku tal-2018 fil-Vatikan, dwar l-abbużi sesswali.

Mons. Scicluna tkellem dwar il-ħidmiet differenti ta’ Benedittu XVI u Franġisku b’rispons għall-abbużi sesswali mill-kleru bħala parti minn impenn kotinwu.

Hu ma ta ebda kumment dwar il-każ tal-Ġiżwita Sloven Marko Rupnik, artist magħruf internazzjonalment li nżamm mill-ministeru wara li mara adulta akkużatu bi mġieba ħażina.

Sors: Newsbook.com.mt