L-Arċisqof Charles Jude Scicluna apprezza l-ħidma li qed issir minn Infrastructure Malta mal-Arċidjoċesi ta’ Malta permezz ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ, fosthom bit-tħawwil ta’ siġar, fi spazji oħrajn miftuħa mmexxija mill-Knisja f’diversi lokalitajiet. 

Waqt żjara fil-ġonna tad-Dar tal-Kleru f’Birkirkara, fejn qed jitħawlu 1,400 siġra minn Infrastructure Malta, l-Arċisqof sostna li s-siġar imħawlin huma pulmun ta’ arja nadifa mhux biss għas-saċerdoti anzjani residenti fid-Dar tal-Kleru iżda wkoll għar-residenti ta’ Birkirkara. Huwa ħeġġeġ għal aktar proġetti oħra ta’ dan it-tip għaliex fi kliem l-Arċisqof, ambjent san iħalli impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-individwu u tas-soċjetà. 

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross qal li apparti il-proġett ta’ tħawwil ta’ 1,400 siġra fid-Dar tal-Kleru, il-Knisja qed taħdem ma’ Infrastucture Malta fuq diversi proġetti oħra. Dawn jinkludu t-tisbieħ fuq in-naħa ta’ barra tal-Knisja Arċipretali tar-Rabat u tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Luċija. Is-Sur Pace Ross semma wkoll ix-xogħol li qed isir b’kollaborazzjoni mal-Gvern fid-Domus u fl-Oratorju tas-Salesjani f’Ħad-Dingli, u fil-Mosta, fost oħrajn.