L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm smajna jibqa’ dejjem sfida għal kull wieħed u waħda minna. Dan ir-re, dan is-sultan, li aħna nqimu u li għalih ġiet iddedikata din il-parroċċa bażilika minuri, huwa re li jħossu ħaġa waħda ma’ kull wieħed u waħda minna. Dak kollu li nagħmlu lil xulxin iqisu magħmul lilu nnifsu: “Kulma għamiltu lill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

Mela jekk trid tqim lil Kristu Re, sultan tal-ħolqien kollu, għożż lil ħutek, lill-proxxmu tad-demm u l-laħam li tgħix miegħu. Dik hija l-aqwa qima li tista’ toffri lil Kristu Sultan. Meta tidher quddiemu, bħalma se nidhru quddiemu, irridu jew ma rridux, lilna lkoll se jistaqsina: kif trattajt lil ħutek u lill-proxxmu? “Kont bil-ġuħ u tmajtni, kont bil-għatx u sqejtni, kont marid u ġejt iżżurni, kont il-ħabs u ġejt tarani, kont barrani u lqajtni” (Mt 25:35-36).

Jekk aħna nitfixklu u saqsuh meta, hu se jfakkarna: “Kulma għamilt mal-iżgħar fost ħuti għamiltu miegħi” (Mt 25:40). Mela aħna nistgħu noħorġu purċissjoni u randan bil-pontifikal solenni, bix-xbieha sabiħa ta’ Kristu Re, imma ma ninsewx li x-xbieha ta’ Kristu Re hija ħajja, huwa sieħbi li qiegħed miegħi quddiemi, li għandu bżonn l-għajnuna tiegħi. Tinsewhiex din il-ħaġa! Imma m’hemmx għalfejn infakkarkom għax Raħal Ġdid, belt tal-ħaddiema, minn dejjem ħaddan din is-solidarjetà. Laqa’ fostu eluf ta’ eluf ta’ nies anke f’mumenti ta’ diffikultà kbira.

Il-faqar ta’ madwarna

110 snin ilu, fi żmien il-Papa San Piju X, intom sirtu parroċċa. L-idea kienet li l-ħaddiema tal-inħawi, li kienu jħarsu mhux biss lejn it-tarzna imma lejn tant industriji oħrajn, ikollhom min jieħu ħsiebhom. Kien ukoll l-istess papa li fl-1913, lil-legat tiegħu l-Kardinal Ferrata li kien ġie Malta għall-Kungress Ewkaristiku, kien qallu li bħalma għamlu fi Franza wara l-Kungress Ewkaristiku u bnew knisja monumentali fuq Montmartre ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù, tkun ħaġa sabiħa li l-Maltin, b’tifkira tal-Kungress Ewkaristiku, jibnu knisja monumentali ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù.

L-Isqof Pietru Pace, li laqa’ dan is-suġġeriment tal-Papa, kellu f’qalbu dan il-ħsieb meta beda jaħdem biex minn Santa Ubaldesca, il-parroċċa ssib dar ikbar mhux biss li tixraq lill-poplu imma li tkun tista’ tħaddan lill-ulied il-ħaddiema. Dan għaliex il-Kungress Ewkaristiku tal-1913 kellu din it-tema soċjali: l-Ewkaristija li twassalna biex naħdmu għall-ġustizzja soċjali, biex naħdmu biex il-ħaddiem ikollu id-dinjità tiegħu, biex l-ifqar fost il-fqar nittrattawhom ta’ nies.   

Kristu ma jidħakx bik; Ġesù Kristu huwa ħabib fidil.

Aħna llum imdawrin b’faqar ġdid u hemm bżonn ukoll nieħdu din l-isfida konkreta. Il-faqar mhuwiex biss fostna imma wkoll madwar l-ibħra tagħna. Aħna għandna d-dritt inħabbtu fuq il-bieb ta’ min jista’ jgħina imma rridu ukoll ngħixu l-isfidi u l-obbligi tagħna. “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

L-erba’ ragħajja

Illum bi pjaċir kbir berikt it-tribuna u nixtieq nirringrazzja lil kull min ta sehmu biex saret, mhux biss lill-artist Manuel Farrugia li qiegħed hawn mal-għażiża martu, imma se nsemmi biss lill-kappillan li jirrapreżentakom ilkoll. Innutaw li fuq kull naħa tat-tribuna ta’ din il-bażilka minuri għandha tifkira ta’ ragħaj. Ħalli nibdew miċ-ċkejken, mill-isqof tagħkom li qed iħares lejn it-tabernaklu. Il-motto tal-isqof huwa meħud mit-tieni qari li smajna mill-Ktieb tal-Apokalissi fejn fil-viżjoni tal-awtur jidher rikkieb ta’ żiemel abjad. L-isem ta’ dan ir-rikkieb, li huwa wkoll il-Kelma ta’ Alla, jiġifieri Ġesù, huwa fidil u veru. Fidil u veru mhux l-isqof imma Ġesù Kristu. Meta tmorru lejn it-tabernaklu u tħarsu lejn l-arma tal-isqof, ftakru f’din il-kelma li hija titlu sabiħ tas-Salvatur, ta’ Kristu Re, fidil u veru. Ġesù Kristu ma jidħakx bik; Ġesù Kristu huwa ħabib fidil. Ġesù Kristu se jgħidlek il-verità.  

Fiż-żewġt iġnub tat-tribuna għandna żewġ papiet għeżież għalina. Nibda minn dak li lil din il-parroċċa għoġbu jgħolliha għad-dinjità ta’ bażilika minuri, il-Papa Franġisku. Il-motto tal-pontifikat tiegħu huwa: Miserando atque eligendo (jagħżlek waqt li jħenn għalik). Kemm hi kelma sabiħa din li l-Papa Franġisku, meta sar isqof ħadha mill-kliem ta’ San Beda l-Venerabbli meta qed jitkellem fuq il-konverżjoni ta’ San Mattew. Fl-Arġentina, fil-21 ta’ Settembru, tibda r-rebbiegħa, u dakinhar il-Papa Franġisku kien ikkonverta u l-qari tal-jum kellu din l-espressjoni sabiha tal-Venerabbli Beda: waqt li qed jagħżlu, qed iħenn għalik. U anke lilna, waqt li l-Mulej qed jagħżilna, iħenn għalina għax aħna dgħajfin; aħna midinbin imma l-Mulej xorta jpoġġi fuqna ħarsa ta’ ħniena. Jagħżilna u jsaffina bl-għażla tiegħu, bil-ħarsa ta’ ħniena tiegħu.

Il-papa l-ieħor, li ġustament intom tfakkru fit-tribuna, huwa l-Papa San Piju XI, li bħala motto kien għażel: Pax Christi in regno Christi (il-paċi ta’ Kristu fis-saltna ta’ Kristu). Huwa kien il-papa li fl-1925 iddikjara li l-festa ta’ Kristu Re hija festa universali. Kif għedt, il-papa ta’ qablu, San Piju X, kellu l-ħsieb li l-knisja ta’ Raħal Ġdid tkun tifkira tal-Kungress Ewkaristiku u tkun iddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù. San Piju XI, laqa’ s-suġġeriment ta’ San Piju X u t-titlu tal-parroċċa sar Kristu Re, għax il-qalb ta’ Ġesù hija qalb ta’ re, imma hija wkoll l-qalb ta’ re ħanin, qalb ta’ re qaddej, qalb ta’ re seftur, u qalb ta’ re nkurunat bix-xewk. 

Min għandu l-paċi għandu l-ikbar teżor, min jitlef il-paċi ta’ qalbu huwa miskin.

Il-paċi hija l-ikbar teżor li joffri dan ir-re, Ġesù. Jekk xi ħadd jistaqsik x’jista’ joffri r-re tiegħek Ġesù, wieġbu b’kelma waħda biss: il-paċi. Għax il-paċi tal-qalb, l-aħwa, la tixtriha bil-flus u lanqas ikollok għax inti pulit u sabiħ; il-paċi tal-qalb tkun fik għax tgħix ta’ nies u titratta lil ħutek ta’ nies. Min għandu l-paċi għandu l-ikbar teżor, min jitlef il-paċi ta’ qalbu huwa miskin. Jekk tħawwad, taqtax qalbek! Il-maħfra ta’ Ġesù Kristu terġa’ timlielek qalbek bil-paċi li għandek għatx kbir għaliha.

… il-bniedem kultant jagħti ruħu għall-frugħa.

L-aħħar ħsieb tiegħi huwa ispirat mill-arma li hawn fil-faċċata, ġustament għax huwa l-uniku wieħed minn dawn l-erba’ ragħajja li huwa kkanonizzat. Tnejn għadhom ħajjin u tnejn mietu; it-tnejn ħajjin huma l-Papa Franġisku u jien, waqt li wieħed minn dawk li mietu u huwa qaddis, San Piju X. Dan miet bi qsim il-qalb fl-1914 meta ra li l-Ewropa kienet se tfarrak lilha nnifisha bl-Ewwel Gwerra Dinija u l-aħħar għajta tiegħu qabel ma miet kienet biex tiġi evitata gwerra u biex wieħed jaħdem għall-paċi, għaliex il-bniedem kultant jagħti ruħu għall-frugħa. Meta sar papa fl-1903, San Piju X għażel dan il-motto: Instaurare omnia in Christo (ejjew inġeddu kollox fi Kristu).

Ir-responsabbiltà tal-Pawlisti

Nixtieq naqsam magħkom l-erba’ mottos ta’ dawn il-papiet, ta’ dawn ir-ragħajja, u nagħtihomlkom bħala programm għall-parroċċa għażiża tagħkom. Jekk irridu niġġeddu, irridu  niġġeddu f’Ġesù Kristu. Nieħdu dan il-kliem li għażel San Piju X mill-Ittri tal-Appostlu Missierna San Pawl u neħduhom bis-serjetà. Ma niġġeddux bil-frugħa ta’ din id-dinja, imma niġġeddu fi Kristu. Ejjew nitolbu, għalhekk, li aħna u nifirħu b’dan it-titlu li jqarreb iżjed lil din il-komunità lejn is-sede ta’ San Pietru li l-papiet u llum lil Papa Franġisku, aħna nifhmu li t-tagħlim tal-Papa huwa t-tagħlim tal-Vigarju ta’ Kristu.

Dan it-titlu hu responsabbiltà; responsabbiltà li Raħal Ġdid jibqa’ jkun komunità ta’ għożża, komunità li tilqa’ …

Xi ħadd jista’ jgħid li m’għandux grazzja ma’ dan il-papa, imma importanti li lill-papa tirrispettah ta’ papa li hu. Tista’ ma taqbilx miegħu f’kollox imma Franġisku hu s-suċċessur ta’ San Pietru. Dak għandna. Il-Mulej dak tana.

Għalhekk, dan it-titlu ta’ bażilka minuri mhuwiex biex ninku lil xulxin jew lill-oħrajn, u ifhmuni, biex ma nagħmluhiex tal-vavi. Dan it-titlu hu responsabbiltà; responsabbiltà li Raħal Ġdid jibqa’ jkun komunità ta’ għożża, komunità li tilqa’, komunità li għandha għeruq ta’ kulti antiki. Ftakru fiż-żoni ta’ Ħal Saflieni u oħrajn. Hawnhekk, fuq din l-għolja, dejjem kien hemm il-kult. Min kien jgħix fuq din il-gżira dejjem ħaseb fuq dak li jiġri wara l-mewt. Aħna nippreparaw tajjeb billi ngħożżu lil xulxin. Ftakru, “kulma għamiltu ma l-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

Viva Ġesù Kristu!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 34:11-12.15-17
Salm: 22 (23), 1-2a.2b-3.5-6
Qari II: Apk 19: 5-16
Evanġelju: Mt 25: 31-46

More Photos >>